Il-kumpanija massiċa tal-gaming, Gaming Innovation Group giddbet lill-midja Nazzjonalista għal rappurtaġġ skorett dwar l-impjieg ta’ numru ta’ ħaddiema tal-kumpanija. F’artiklu ppubblikat it-Tlieta, NET News allega li GiG se tkeċċi 164 ħaddiem.Fi tweġiba lill-kamra tal-aħbarijiet, GiG ċanfret lil midja f’tal-Pietà u qalet li tinsab ixxukkjata li NET News ma kkuntatjax lil kumpanija biex jivverifika l-fatti qabel ma ġie ppubblikat l-artiklu sensazzjonali.
Il-kumpanija spjegat li l-impjegati in kwistjoni ġew trasferiti lill-kumpanija Betsson wara li din xtrat is-sezzjoni magħrufa bħala Business to Customer (B2C).
Il-kumpanija żiedet tispjega wkoll li filwaqt mistennija tnaqqas l-ispejjeż tal-operat tul din is-sena, se tassigura l-impjiegi tal-ħaddiema b’inizjattivi simili. Il-kumpanija qalet li dan qed tagħmlu b’għan ċar li tissalvagwardja l-ħobża ta’ kuljum ta’ dawn il-ħaddiema.
Gaming Innovation Group, li hija kumpanija maġġuri f’pajjiżna u tqalla’ l-għajxien ta’ eluf ta’ familji, iddeskriviet l-artiklu ta’ Net News bħala wieħed ta’ ħsara għar-reputazzjoni tal-kumpanija, kif ukoll tas-salvagwardja tal-ħaddiema f’dawn iż-żminijiet sensittivi.
Intant fuq il-profil tiegħu fuq facebook, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo ikkundanna r-rappurtaġġ qarrieqi tal-midja Nazzjonalista, u appella għal rapporti nieqsa mis-sensazzjonaliżmu f’dan iż-żmien.