Il-kumpanija tal-farmaċewtika Spanjola li għandha żewġ fabbriki f’Malta, Medichem Group, qed tinvesti total ta’ disa’ miljun ewro f’espansjoni tal-operat sabiex tilħaq swieq ġodda.
Dan filwaqt li tkompli toffri impjiegi ta’ kwalità f’pajjiżna.
Il-kumpanija Medichem għamlet investiment ta’ tliet miljun ewro biex tiddiversifika l-operat tagħha filwaqt li l-investiment fil-kapaċità tal-manifattura ser ikompli jiżdied b’sitt miljun ewro oħra.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Medichem, Elisabeth Stampa, stqarret kif dan l-investiment f’pajjiżna kien il-pass naturali għall-kumpanija.
Dan filwaqt li rringrazzjat lill-Gvern Malti u l-Malta Enterprise tas-sostenn tagħhom.
Stqarret kif kemm għall-gwida fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u għall-proġetti ta’ tkabbir għandhom biss gratitudni għall-Gvern Malti.
Stampa qalet li “we believe that our Maltese facilities are one of the key cornerstones for the development of Medichem in its’ international operations and we have here the facilities… And also for the active ingredients which are really important for us for the US market which is our main market so it made absolutely clear sense for us to invest here in Malta.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia stqarr kif l-industrija farmaċewtika lokali bħalissa hija kkaratterizzata minn fażi ta’ bidla u opportunità.
“Meta qed naraw żmien fejn il-mediċina qed issir iktar irfinuta u iktar importanti fid-dinja globali li qed ngħixu, huwa importanti li l-Malta Enterprise u l-Gvern jibqa’ jissapportja dan it-tip ta’ settur. Huwa propju minħabba dan it-tip ta’ appoġġ lill-industrija illi dawn il-kumpaniji qed jiddiversifikaw u qed jaraw illi jidħlu fis-swieq illi sal-lum ma kinux qed jidħlu u allura inkunu qed nikrejaw kemm niċeċ ġodda fil-kumpanija u anke niċeċ ġodda fil-qasam tal-farmaċewtika f’Malta” qal Kurt Farrugia.
Waqt żjara fil-fabbrika f’Ħal Far, il-Ministru għall-Intrapriżi Miriam Dalli qalet kif fi żmien meta d-dinja għaddejja minn pandemija, il-Gvern baqa’ jinċentiva aktar lin-negozji sabiex mhux biss ikomplu jħaddmu lill-ħaddiema iżda wkoll ikomplu jinvestu, jikbru u jiddiversifikaw.