B’investiment ta’ tliet miljun u nofs ewro l-kumpanija Maltija tal-farmaċewtika Pharmadox ser tkun qed twettaq proġett ta’ espansjoni fil-binja eżistenti. Investiment li se jara l-ħolqien ta’ 50 impjieg ġdid f’pajjiżna.
Din il-kumpanija bdiet fl-2010 b’laboratorju żgħir u b’erba’ impjegati biss, illum din il-kumpanija tħaddem magħha aktar minn mitt impjegat.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli semmiet l-importanza ta’ investimenti simili fil-qasam farmaċewtiku, hekk kif jikkontribwixxi bis-sħiħ fl-ekonomija.
Qalet kif, “Investiment bħal dan huwa suċċess doppju għaliex qed isir propju fi żmien ta’ pandemija meta nafu l-isfidi x’inhuma, Pero dan l-investiment huwa riżultat tal-politika ta’ dan il-Gvern għaliex apparti li rridu nsostnu l-industriji preżenti, aħna rridu naċċertaw ruħna li nagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ lill-intrapriżi eżistenti biex ikomplu joħolqu aktar impjiegi.”
Dan l-investiment huwa parti mill-proġett fuq medda ta’ ħames snin għat-tkabbir ta’ Pharmadox, fejn fihom il-kumpanija mistennija tinvesti €7 miljun.
Wieħed mid-Diretturi ta’ din il-kumpanija Peter Seychell spjega li fost l-oħrajn l-investiment jinkludi l-bini ta’ blokka ta’ tliet sulari, iż-żieda fil-kapaċità tal-prodotti u tkabbir fil-laboratorji tal-kimika. Hawnhekk huwa saħaq li minħabba d-domanda għall-mediċina, il-kumpanija baqgħet għaddejja.
Spjega, “Is-servizz tagħna jrid jibqa’ għaddejj għax aħna x-xogħol tagħna huwa li niċċertifikaw u noħorġu prodotti għall-bejgħ fl-Ewropa.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista semma kif investimenti bħal dawn ikomplu jigarantixxu l-aqwa kwalità ta’ mediċina għall-Maltin u l-Għawdxin.
Qal, “Investimenti bħal dawn qed ikomplu juru s-serjetà li għandna wara dan kollu, li hija l-Awtorità għall-Mediċini li permezz tal-professjonisti tagħha qed inkomplu niggarantixxu kemm lokalment u internazzjonalment li l-aqwa prodotti fil-farmaċewtika jkunu garantiti għall-pazjenti tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia tenna l-impenn u l-ħidma sabiex dan is-settur ikompli miexi ‘l quddiem.