Il-kumpanija rinomata tal-Blockchain għall-isport u d-divertiment, Chiliz Group bil-pjattaforma Socios.com, kisbet l-awtorizzazzjoni mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, biex tibda topera minn pajjiżna.
Chiliz Group hu l-moħħ wara l-Fan Tokens u l-iżviluppatur ta’ Chiliz Chain, l-ewwel blockchain għall-industrija globali tal-isport.
Fil-fatt il-grupp diġà jara aktar minn żewġ miljun utent globali permezz tal-pjattaforma Socios.com. Il-kumpanija qalet li din il-mira ssaħħaħ l-impenn u r-rwol tagħha biex tkompli tkun pijuniera fl-użu tal-blockchain għall-utilità sportiva.
L-MFSA issa tpoġġi lil Socios.com bħala pjattaforma fdata, regolata u konformi, li tipprovdi lill-partitarji tal-isports b’opportunitajiet biex jissieħbu mat-timijiet favoriti tagħhom bħal PSG, Manchester City u FC Barcelona, permezz ta’ dawk li jissejħu Fan Tokens.
Socios.com hi diġà konformi ma’ diversi regolamenti internazzjonali, fosthom fir-Renju Unit, fil-Litwanja, fl-Indoneżja, Spanja u l-Italja.
Ta’ min anke jinnota li din il-kumpanija għandha bbażati aktar minn 100 impjegat f’Malta biss.