Il-Kumpanija Spanjola li bejn l-2005 u l-2006 kienet toffri servizz ta’ ħelikopter bejn Malta u Għawdex ħalliet kont pendenti ta’ iktar minn €2,100,000 wara li ħarbet ħesrem minn Malta sena wara li bdiet topera.
Artiklu li deher fil-ġurnal l-Orizzont tat-Tlieta spjega kif Helicopteros del Suresta nġiebet Malta mill-Gvern tal-ġurnata, immexxi minn Lawrence Gonzi f’Marzu 2005 wara li Malta Air Charter, sussidjara tal-Air Malta, ma baqgħetx toffri servizz ta’ ħelikopter bejn iż-żewġ gżejjer, u għalhekk kien hemm bżonn ta’ alternattiv.
L-Orrizzont irrappurtat kif f’Ottubru 2006, sena u nofs wara li l-kumpanija nġiebet pajjiżna, l-uffiċċjali ta’ Helicopteros temmu ħesrem is-servizz u ħarbu minn pajjiżna. Hawn intqal ukoll, li kuntrarju għal dak li wiegħed il-Prim Ministru Gonzi, servizz ta’ kwalita u bl-ogħla sigurta possibbli, il-kumpanija kemm-il darba kkanċellat vjaġġi għalxejn u żammet prezzijiet għoljin. Dan meta l-ftehim kien li jsiru minn tal-inqas għoxrin vjaġġ kuljum, b’kull vjaġġ iġorr tlettax-il passiġġier.
Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni qal li sal-lum il-kumpanija qed tirċievi avviż biex tħallas il-VAT pendenti. Spjega kif meta l-pajjiż li fih qed jintbagħat l-avviż ikun fl-Unjoni Ewropea, tintuża ukoll id-Direttiva dwar l-Assistenza Reċiproka għal talbiet relatati ma’ taxxi u dazju. Dan ifisser li infurzar legali li kieku jsir, ikun skont il-liġi tal-pajjiż li fih issir in-notifika, li mbagħad jgħaddi dak id-dejn lill-awtoritajiet fiskali Maltin.
Sakemm Malta tistenna l-ħlas mill-kumpanija Spanjola, tista’ biss tiżen id-differenza bejn investiment u ieħor u bejn is-sitwazzjoni f’Għawdex kif inhi bħalissa u kif kienet f’ dik is-sena li kien offrut is-servizz tal-ħelikopter.