Il-kumpanija Sanondaf, b’mod volontarju, bdiet tiddiżinfetta permezz ta’ fumigazzjoni ż-żoni ta’ barra tar-residenzi tal-anzjani kollha. Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis. Din il-kumpanija bdiet dan il-proċess fejn ir-Residenza San Ġużepp, u fil-ġranet li ġejjin, b’koordinazzjoni ma’ dawk konċernati, Sanondaf se tkun qed tiffumiga ż-żoni ta’ barra tal-bqija tar-residenzi.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis faħħar lill-kumpanija ta’ dan il-ġest nobbli li qed tagħmel f’dawn iż-żminijiet ibsin. “Dan hu l-mument ta’ prova għalina lkoll. Issa hu l-mument li lkoll kemm aħna bħala poplu wieħed u magħqud nagħmlu l-parti tagħna u nuru kemm verament għandna qalb li taf tħobb u tgħin.”
Is-segretarju parlamentari qal li dan il-ġest se jkompli jgħin biex inkomplu nipproteġu lill-anzjani li jinsabu f’dawn ir-residenzi. Din l-inizjattiva, flimkien mal-miżuri li ħa l-gvern fl-aħħar ġimgħat, qed iwasslu biex ikollna r-riżultati li għandna llum. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis għalaq billi rringrazzja lil din il-kumpanija u lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-anzjani tal-ħidma eċċezzjonali li qed jagħmlu.
Id-direttur maniġerjali tal-kumpanija Jason Degiorgio qal li Sanondaf hi kumpanija Maltija li tispeċjalizza f’servizzi ta’ diżinfezzjoni u li rnexxielha tkabbar l-operat tagħha f’territorji internazzjonali u fl-istess waqt, hi fost l-aqwa fl-industrija tad-dekontaminazzjoni. Sanondaf, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, offriet is-servizzi tagħha biex tiddiżinfetta ż-żoni madwar ir-residenzi tal-anzjani kollha. Dan se jsir b’mod voluntarju, sabiex il-kumpanija tgħin fil-ġlieda kontra l-COVID-19. Sanondaf għażlet li tagħmel dan sabiex tipproteġi u taċċerta s-sigurtà tal-anzjani tagħna f’dawn iż-żminijiet diffiċli.