L-uffiċċju tal-Awtorità għat-Turiżmu Malti fil-Ġermanja riċentament ħadem flimkien ma’ kumpanija rinomata fil-Ġermanja li toħloq il-board games bl-isem ta’ Hans im Glück biex tinħoloq logħba bbażata fuq il-Belt Valletta.
Din il-logħba għadha kif titnied fejn l-għan tal-logħba hu li l-parteċipanti jridu jieħdu l-irwol tal-persuni li bnew il-Belt Valletta, filwaqt li fl-istess ħin jintogħġbu mal-arkitettur tal-belt – Francesco Laparelli u kif ukoll l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Din il-logħba se tkun qed tipprovdi aktar reklamar għall-gżejjer Maltin, dan hekk kif l-uffiċċju Ġemaniz tal-MTA ħoloq fuljett dwar kif il-Belt Valletta hi destinazzjoni li wieħed m’għandux jitlef flimkien ma’ informazzjoni dwar il-belt.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Paul Bugeja, qal li “l-fatt li din il-logħba nħolqot minn produttur rinomat se tkun qed tgħin biex tirreklama lill-gżejjer Maltin fis-suq Ġermaniż, kif ukoll fis-swieq oħrajn fejn din il-logħba se tiġi distribwita.”
Bugeja kompla billi fakkar kif fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, is-suq Ġermaniż ra żieda fil-wasliet turistiċi bl-ammont ikun ta’ 31%, dan meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.