Riċentament, kumpanija tat-teknoloġija lokali, bl-isem ta’ IoT Solutions, rebħet l-unur tal-Best SME Exporter fil-Business Awards 2024, li saru fl-aħħar ġimgħat.
ONE News ħa l-okkażjoni jżur din il-kumpanija, li twaqqfet fl-2017 u bħalissa ma timpjegax iżjed minn 13-il persuna, fl-uffiċini u s-sit tal-manifattura tagħha fil-Qasam Industrijali tal-Marsa, fejn iltqajna mal-fundatur tagħha, Ruben Camilleri.
Hu spjega r-rwol li għandha l-kumpanija fl-ekonomija nazzjonali, li għadha qed tikber b’rata sinifikanti.
“Bħala kumpanija nagħmlu sistemi ta’ tracking ta’ vetturi u apparat, livelli ta’ tankijiet tal-ilma, tad-diesel, taż-żejt, żjut, temperaturi u umdità ġo fridges, freezers u anke l-warehousing, u anke sistemi ta’ moniteraġġ ta’ parkeġġi pubbliċi u anke privati.”
Ruben Camilleri
Hu kompla jaqsam magħna l-mod kif żviluppat il-kumpanija b’domanda lokali u anke internazzjonali u kif ir-rikonoxximent fil-Malta Business Awards hu ta’ prestiġju kbir għalihom.
“Dan hu rikonoxximent kbir ħafna għalina, għan-nies li jaħdmu ma’ IoT Solutions, kumpanija Maltija 100%, tal-bżulija tagħhom u tal-kapaċità, ta’ inġinieri u nies tekniċi Maltin li rnexxielhom jagħtu prodott li jagħmel suċċess mhux f’Malta biss, però wkoll barra minn Malta; u li qed jgħin ikompli jkabbar l-ekonomija Maltija b’mod sostenibbli.”
Ruben Camilleri
Magħna saħaq kif lokalment, il-kumpanija tagħhom taħdem kemm ma’ kumpaniji privati f’diversi setturi, kif ukoll ma’ entitajiet tal-Gvern, partikolarment mal-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Min-naħa l-oħra, fuq skala internazzjonali, IoT Solutions tesporta wkoll lejn l-Ewropa, għax bosta kumpaniji Ewropej jirrikjedu l-manifattura tagħhom. Lil hinn mill-kontinent Ewropew, jaħdmu wkoll ma’ kumpaniji li jinsabu fil-Malasja, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Arabja Sawdita, Hong Kong u anke fil-kontinent Amerikan.
Meta mistoqsi fejn jara l-kumpanija fil-ħames snin li ġejjin, Camilleri saħaq magħna li mhemmx limitu għal-livelli li tista’ tilħaq din il-kumpanija.
“Il-kumpanija f’dawn l-aħħar ħames snin kibret ħafna, ħdimna ħafna bis-saħħa tan-nies li jaħdmu magħna u l-kapaċità tagħhom. Nixtieq inkompli nkabbar il-kumpanija bl-istess mod u ħafna aktar is-suq tal-Internet of Things, fuq il-fatt li bis-saħħa nista’ noħroġ inbigħ barra minn Malta, is-suq tiegħi hu kbir ħafna, jiġifieri l-limitu ta’ kemm tista’ tikber din il-kumpanija hu enormi.”
Ruben Camilleri