- Is-sena d-dieħla jibdew l-istudji ambjentali u tekniċi
- Applikazzjoni għall-fondi Ewropej
Għaddejjin pjanijiet biex titwaqqaf kumpanija pubblika għat-twettiq tal-proġett tal-pipeline tal-gass u iktar tard biex tieħu ħsieb u tmexxi l-operat tal-infrastruttura meta tiġi kkumissjonata. Kien il-Ministru Joe Mizzi li ta dawn id-dettalji filwaqt li qal li “huwa mistenni li l-proġett idum seba’ snin biex jitwettaq.”
Il-proġett tal-pipeline tal-gass huwa meqjus bħala wieħed importanti ħafna għaliex pajjiżna jingħaqad mal-Ewropa għall-provvista ta’ sors importanti ħafna tal-enerġija. Iktar minn hekk ladarba l-pipeline tal-gass ikun lest minn pajjiżna jkun jista’ jitlaq darba għal dejjem it-tanker tal-LNG mill-port ta’ Marsaxlokk. Dan il-pipeline ilu jkun imwiegħed bosta snin iżda kien biss fl-aħħar leġiżlatura li ngħata imbuttatura ’l quddiem bħala parti mill-pjan tal-gvern li mill-heavy fuel oil, l-iktar żejt li jniġġes, qlibna għall-gass li tejjeb bil-kbir il-kwalità tal-arja fil-pajjiż.
Fost xogħol li diġà sar insibu d-disinn bażiku tal-infrastruttura neċessarja u ġiet iddentifikata r-rotta bejn Malta u Sqallija u s-siti fejn se jitpoġġew it-terminal stations ġewwa Gela u Delimara, il-postijiet minn fejn se jibda u jispiċċa dan il-pipeline.
Iktar minn hekk f’Mejju ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern ta’ Malta u r-Reġjun ta’ Sqallija fuq livell tekniku għall-kollaborazzjoni sħiħa bejn Malta u r-Reġjun Sqalli – b’koordinament ma’ Ruma. Dan is-sajf se jinbeda l-proċess tal-permessi ambjentali ġewwa Malta kif ukoll ġewwa l-Italja bis-sottomissjoni tal-Project Description Statement u Scoping Report lill-awtoritajiet rispettivi.
Is-sena li ġejja se jibdew isiru l-istudji dettaljati ambjentali (EIA) kif ukoll tekniċi u dawn jinkludu wkoll marine survey tar-rotta kollha tal-baħar b’tul ta’ madwar 152km. Il-Gvern mistenni japplika għall-fondi Ewropej għal dawn l-istudji li ħa jkunu jiswew madwar €8 miljun.