Infaqgħet bużżieqa oħra f’wiċċ il-Kap tal-Oppożizzjoni li issa ħadha drawwa jaqbad ifajjar u jitkellem mingħajr ma jkollu l-affarijiet kollha quddiemu.
Saħansitra joħroġ stqarrijiet fuq dak imsejjaħ bħala għidut.
Wara li l-Ħadd filgħodu, il-preżentatur Mark Laurence Zammit ħareġ jgħid li mhux se jibqa’ jippreżenta l-programm l-Erbgħa fost il-Ġimgħa fuq ix-xandir nazzjonali u saħaq li dan qed jagħmlu għal li sejjaħ bħala indħil mill-PBS, il-kumpanija li kienet timpjega lil Zammit ħarġet tiċċara u tippreċiża l-fatti.
We Media saħqet li l-programm inkwistjoni huwa proprjetà tagħha u tiddeċiedi hi biss min jippreżenta l-programm.
Il-kumpanija qalet ukoll li Mark Laurence Zammit qatt ma kien offrut li jerġa’ jippreżenta l-programm wara l-aħħar skeda u ma kellu ebda involviment fid-deċizjonijiet li jinvolvu l-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa.
Il-kumpanija xejnet ukoll l-allegazzjoni li l-istazzjon nazzjonali waqqaf il-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa u saħansitra l-programm kien għadu ikkunsidrat sa ftit ġimgħat ilu meta Zammit kien diġà qed jaħdem l-aħħar jiem mal-kumpanija.
Bi stqarrija ċara, il-kumpanija qalet li l-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa ma ġiex imwaqqaf mill-PBS pero bi qbil bejn il-produtturi tal-kumpanija u l-istazzjon nazzjonali sar tibdil tal-programm u l-programm se jitqassam fuq jumejn u jibdel l-isem.
Il-Ħadd filgħodu, f’attentat li jiskorja punti politiċi, Bernard Grech ħareġ jitkellem dwar dak li deherlu kontroll mill-istazzjon nazzjonali.
Saħansitra uża l-ħin tal-intervista fuq ir-radju tiegħu biex jitkellem fuq hekk, meta ma kellux l-istorja kollha quddiemu.
Qal, “Issa ħareġ ukoll biċ-ċar illi kien qed jaħkem dan il-programm ukoll.”
Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech kompla jżid fid-doża tal-attakk tiegħu anki permezz ta’ stqarrija ffirmata mid-deputat Joe Ellis biex issa hu magħruf li l-kontroll mix-xandir li semma Bernard Grech kien wieħed fittizju.