Il-kumpanija internazzjonali bbażata fil-Ġappun, OKEx, se tkun qed tespandi l-operat tagħha f’pajjiżna. Il-kumpanija OKEx Technology Company Limited ħabbret dalgħodu li se tkun qed tespandi l-operat tagħha f’pajjiżna wara diversi laqgħat li nżammu mal-Gvern. OKEx hija kunfidenti li pajjiżna se jkun il-bażi ta’ aktar tkabbir għall-kumpanija.
OKEx hija kumpanija dinjija li taħdem fil-qasam ta’ exchanges u = tipprovdi exchange platforms lil klijenti tagħha.
Chris Lee, il-Kap Eżekuttiv ta’ OKEx sostna li bħala kumpanija jħares ‘il quddiem li jaħdem mal-Gvern Malti li qed jaħdem fil-qasam tad-DLT’s b’sistemi bħal blockchain u exchanges, li permezz tar-regolarizazzjoni tas-settur se tkun qed toffri serħan tal-moħħ. Lee jsemmi s-serjetà li jimxi biha pajjiżna fosthom billi jsegwi leġislazzjonijiet Ewropej bħad-direttiva kontra l-ħasil tal-flus.
Tim Byun, Chief Risk Officer tal-kumpanija saħaq li f’Malta jara msieħeb b’saħħtu fl-industrija emerġenti tat-teknoloġija Blockchain.
Il-kumpanija qed tħares ‘il quddiem li tissieħeb mal-kommunità Blockchain f’pajjiżna fosthom billi se tkun qed tipparteċipa fil-Konferenza Delta li se ssir f’pajjiżna f’Ottubru 2018.
Il-kumpanija OKEx li hija t-tieni l-ikbar kumpanija fid-dinja f’dan il-qasam isewgi l-kumpanija Binance, l-ikbar kumpanija, li wkoll se tkun qed tibbaża l-operat tagħha f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Innovazzjoni u Ekonomija Diġitali, Silvio Schembri fisser kif dan huwa ċertifikat ċar u inekwiviku ta’ fiduċja f’pajjiżna.
Il-fatt li pajjiżna kien minn ta’ quddiemnett li ressaq għad-diskussjoni regolamentazzjoni f’dan il-qasam emerġenti, anke permezz tat-twaqqif ta’ Awtorità regolitarja, attira kumpaniji ta’ livell globali bħal Binance u OKEx, qal Silvio Schembri.
Dan huwa biss il-bidu, Se jkunu aktar il-kumpaniji li se jkunu qed jibbażaw l-operat tagħhom f’pajjiżna, temm jgħid Silvio Schembri.