Il-Grupp Von der Heyden, li għandu l-uffiċju ewlieni tiegħu fil-Belt Valletta, qed jinvesti €154 miljun fil-Bavaria Towers. Dan jagħmel parti minn proġett ta’ €380 miljun, li jikkonsisti fi tliet blokok kbar ta’ uffiċini u blokka oħra bħala lukanda.
Flimkien se jiddefinixxu mill-ġdid d-dehra ta’ Munich. Deskritt bħala wieħed mill-aktar żviluppi eżemplari u spettakolari fl-istorja riċenti ta’ din il-belt Ġermaniża, il-Bavaria Towers se joffru dehra viżiva mill-isbaħ fid-daħla ewlenija għad-disrett ta’ Bogenhausen fil-lvant ta’ Munich. Ix-xogħol tal-kostruzzjoni se jitlesta sa qabel tmiem din is-sena, filwaqt il-proġett mistenni li jkun komplut fil-ħarifa tal-2018.
Il-Grupp Von der Heyden hu s-sid ta’ għadd ta’ lukandi magħrufa bħala IBB Hotel Collection. Jopera lukandi fi Spanja, Malta, il-Ġermanja u l-Polonja. F’April li għadda, l-IBB ħabbret ir-restawr u r-rinnovazzjoni tal-binja storika u ikonika tal-Maċina fl-Isla biex issir l-ewwel lukanda esklussiva ta’ Cugó Gran f’Malta. Din il-lukanda se tiftaħ f’nofs dan is-sajf. Lukanda oħra, l-IBB Pjazza Merkanti fil-Belt Valletta, ser tkun it-tieni lukanda tagħhom f’Malta meta tiftaħ il-bibien tagħha f’Jannar 2018. Il-ġimgħa l-oħra, l-IBB Hotel Collection fetħet il-11 u t-12-il lukanda f’Ingelheim u Paderborn rispettivament.
Il-proġett ta’ Munich jikkonsisti fi tliet torrijiet għall-uffiċċini bi spazju totali ta’ 62,000 metru kwadru, filwaqt li r-raba torri se jikun mikri lil H-Hotels biex topera il-brand il-ġdida tal-lukandi ta’ lussu bl-isem ta’ Hyperion. Qed ikun ippjanat li din il-lukanda tibda topera f’Ottubru tal-2018. Il-lukanda tokkupa se tokkupa l-White Tower, b’għoli ta’ 54 metru, li minnu diġà tlestew 14 mill-15-il sular li se jkun fiha. Peress li tinsab qrib iċ-ċentru tal-wirjiet ta’ Munich, din il-lukanda mistennija tkun waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin f’din il-belt għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw fuq negozju. F’din il-lukanda ta’ 345 kamra, is-servizzi se jkunu ffukati għall-vjaġġaturi fuq negozju, b’servizzi bħal fosthom valet parking, business lounges, dedicated check-in, u servizzi ta’ concierge.
Il-profil ta’ dan il-bini arkitettoniku ġdid f’ Munich jinkludi wkoll spazju għall-uffiċini li jibdew minn daqs ta’ 250 metru kwadru. L-ispazji se jħaddnu il-kunċett ta’ sostenibbiltà u prattiċi favur l-ambjent. Se jkun hemm ukoll żewġ parkeġġi taħt l-art li joffru 960 spazju għall-karozzi. It-torrijiet se jkollhom iċ-ċertifikazzjonijiet prestiġjużi ta’ sostenibbiltà LEED Gold jew DGNB Gold. Il-proġett hu inizzjattiva tal-kumpanija ta’ żvilupp Bayern Projekt GmbH, li ssieħbet ma’ Von der Heyden Group u Zurich Group Germany biex dan l-inizzjattiva ssir realtà.
Sven von der Heyden, Chairman tal-Grupp Von der Heyden, qal: “It-tqegħid tal-foundation stone ta bidu lil wieħed mill-iktar proġetti importanti ta’ żvilupp fi Munich. Il-Bavaria Towers se jagħtu kontribut importanti għall-ippjanar urban kontemporanju. Dan peress li joħolqu landmark arkitettoniku li jagħmel lir-residenti ta’ Munich kburin bil-belt tagħhom. Fl-istess ħin, il-kwalità u l-istandards għoljin mill-aktar moderni u avvanzati se jkun qed jitgawdew mill-okkupanti ta’ llum. ”
Il-foundation stone simbolika tqiegħdet fiċ-ċentru tal-iżvilupp bejn it-torrijiet, biex tkun viżibbli kemm għal okkupanti kif ukoll għall-viżitaturi fil-futur. Il-qofol tal-avveniment festiv, li għalih attendew il-Viċi Sindku ta’ Munich Josef Schmid, il-Kap tal-Awtorità għall-Ippjanar Urban u Kostruzzjoni, il-Prof. Dr. Elisabeth Merk, u aktar minn 200 mistieden, kien “l-inżul ta’ Marzjan” li newwel kapsula taż-żmien li fiha kien hemm pjanti, gazzetti ta’ kuljum u muniti li tqiegħdu fil- foundation stone.
Il-portafoll tal-grupp jinkludi negozji u lukandi resort ta’ tliet, erba’ u ħames stilel. Il-kumpanija ta’ lukandi tipprovdi kuntratti ta’ kiri, immaniġġjar u franchise, kif ukoll twettaq investimenti f’propjetajiet li huma operators free. Il-kumpanija għandha pjani ambizzjużi għat-tkabbir u qed tiffoka f’dawk il-pajjiżi fejn diġa’ hi attiva fihom.