Kumpanija Maltija tat-telefonija ngħaqdet ma’ inizjattiva xprunata mill-Kummissjoni Ewropea, li tagħti lok għal telefonati affordabbli bejn l-Istati Membri u l-Ukrajna. F’din l-inizjattiva qed jipparteċipaw 20 operatur Ewropew tat-telekomunikazzjoni.
Il-kumpanija Melita spjegat li matul l-2022, l-użu tad-data mill-mobiles ta’ klijenti Ukreni għal roaming f’Malta fuq in-network tagħha żdied b’310% fuq is-sena ta’ qabel. It-telefonati ‘l barra żdiedu bi 32%, filwaqt li l-użu tal-SMS żdied b’121%.
Il-miżuri volontarji li qed jittieħdu mill-operaturi tal-UE u tal-Ukrajna flimkien ifissru li aktar minn erba’ miljun refuġjat jista’ jkollhom aċċess affordabbli għall-konnettività.
L-istess kumpanija Maltija kienet diġa’ offriet l-appoġġ tagħha lill-Ukrajna. Infatti, wara l-invażjoni, irrifondiet manwalment il-ħlasijiet għal telefonati, SMS u użu tad-data bejn Malta u l-Ukrajna.
Offriet ukoll f SIM cards u kreditu tal-mobile b’xejn lir-refuġjati li waslu Malta mill-Ukrajna, kif ukoll finanzjament ta’ provvisti umanitarji.