Permezz tal-miżuri mħabbra fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, l-kumpanija Maltija E&L Enterprises Ltd żammet kull wieħed mis-sebgħin ħaddiem tagħha tul il-pandemija.
Minkejja d-diffikultajiet tas-sitwazzjoni, il-kumpanija impjegat ukoll 25 persuna ġdida sal-aħħar tas-sena 2020.
Tul is-sena li għaddiet E&L Enterprises investiet f’makkinarju ġdid li jaqta’ l-ħadid biex jintuża f’industriji differenti. Fl-istess ħin investiet man-nofs miljun ewro oħra biex ikollha l-għodda meħtieġa għal produzzjoni aktar effiċjenti.
Id-Direttur tal-kumpanija, Joe Camilleri esprima l-apprezzament għall-miżuri li implimenta l-Gvern tul il-pandemija, li bis-saħħa tagħhom din sentgħet tkompli għaddejja bil-pjanijiet tagħha.
Huwa stqarr: “Nixtieq nirringrazzja lil Gvern talli sibna dawn l-għajnuniet bħala kumpanija. Fl-istess ħin kellna ċertu investiment fil-fabbrika li stajna nkomplu nagħmluh fejn anke żiedna l-ħaddiema u żiedna l-potenzjal tal-fabbrika.”
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri nnota li tul is-sena li għaddiet, in-negozji raw li jaħtfu l-opportunità u jiddiversifikaw is-servizzi tagħhom tant li dan wassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.
Huwa sostna: “Waqt li bbenifikaw mill-għajnuna li tal-Gvern, komplew bil-kuraġġ u komplew jinvestu għaliex jemmnu mhux biss bħala pajjiż, mhux biss bħala politika tal-Gvern imma ukoll fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli enfasizzat l-impenn tal-Gvern biex ikun ta’appoġġ għan-negozji Maltin u Għawdxin.
Hija qalet, “Bħala Gvern impenjati biex ngħinu u nagħtu s-sostenn tagħna lil l-industrija lokali b’mod partikolari dik l-intrapriża li tagħti u toħloq impjiegi wkoll ta’ kwalità teknika.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din l-intrapriża bbenefikat minn żewġ proġetti ffinanzjati mill-inizjattiva Business Enhance ERDF Grant Schemes.
Huwa tenna: “Din il-Kumpanija kompliet tinvesti fit-tagħmir biex tkun tista’ jsaħħaħ il-produzzjoni tagħha u tkompli togħli livell tal-prodott li tista’ toffri.”