Il-kumpanija Maltija InboundMuse, li fost l-oħrajn tispeċjalizza fl-oqsma tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, it-teknoloġija, l-informatika u l-Intelliġenza Artifiċjali għaddejja b’ħidma sabiex tkabbar l-operat tagħha u anke żżid il-ħaddiema.
Din il-kumpanija li twaqqfet fl-2015 minn żewġ żgħażagħ Maltin, ilha għal dawn l-aħħar snin twettaq proġetti innovattivi.
Inbound Muse rnexxielha tiġbed lejn Malta kumpanija importanti Irlandiża tal-Intelliġenza Artifiċjali, li issa fetħet uffiċini fi Smart City.
Flimkien, dawn il-kumpaniji qed jikbru b’rata mgħaġġla u se jibqgħu ffukati fuq l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali għas-suq globali.
ONE News tkellem ma’ wieħed mill-fundaturi ta’ InboundMuse u li spjega mnejn bdew u x’qed jaspiraw għal din is-sena.
“Bnejna bażi tajba ta’ innovazzjoni b’nies vera intelliġenti u ħabrieka lokalment u minn hemm bdejna prodott internazzjonali u tim ta’ għaxar min-nies li aktar ma nespandu barra minn xtutna ħa nkomplu nżidu dawn it-talenti u dan it-tim sa għoxrin ruħ sa l-aħħar ta’ din is-sena.”
Tyron Lloyd Baron, Kap Eżekuttiv ta’ InboundMuse
Fi żjara li l-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici għamel għand din il-kumpanija spjega li din il-kumpanija hi eżempju tajjeb ta’ kif tista’ tissaħħaħ permezz ta’ finanzjament mill-programm Horizon2020 mħaddem mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
“Illum ġejna nitkellmu fuq storja ta’ suċċess ta’ żewġ żgħażagħ illi għamlu innovazzjoni li bis-saħħa ta’ dan ġabu fondi direttament minn Horizon Europe, u anke ħolqu postijiet tax-xogħol li din is-sena se jkomplu jkabbru u jespandu. Aħna nemmnu li dan huwa l-futur tal-pajjiż għaliex irridu li r-riċerka u l-innovazzjoni tkun fil-qalba ta’ dak li nagħmlu.”
Il-Ministru Owen Bonnici