Kumpanija lokali Maltija bdiet toffri leave imħallas lill-impjegati tagħha li jkunu tilfu tarbija waqt it-tqala.
Il-Kumpanija Alberta ħabbret dan permezz tad-direttriċi tagħha Liz Barbaro Sant fuq Facebook.
ONE News żar il-kumpanija bbażata fl-Imrieħel fejn hemmhekk tkellem mal-Kap tar-riżorsi umani Deborah Azzopardi hekk kif spjegat x’immotiva din l-inizjattiva li se tkompli ttejjeb l-esperjenza tal-impjegati fuq il-post tax-xogħol.
Azzopardi stqarret, “Bażikament meta rajna l-inizjattiva li ttieħdet minn New Zealand aħna tkellimna bejnietna, bħala kumpanija fejn it-tim huwa l-qalb tal-kumpanija fejn nistgħu ngħinu dejjem inkunu minn ta’ quddiem. Dan il-leave se jiżdied mal-bqija tal-ispecial leave entitlement pereżempju birth of a child, aħna lit-tim intuhom ukoll study leave għal min ikun qed jistudja iktar, però din partikolari se tingħata kemm lin-nisa u kemm l-irġiel biex min ikun għaddej minn trauma bħal miscarriage m’għandux għalfejn juża’ la s-sick leave u lanqas il-vacation leave u jkun jista’ jiddedika l-ħin biex joħroġ minn din is-sitwazzjoni daqsekk kerha.”
Azzopardi spjegat ukoll kif din l-inizjattiva daħlet fis-seħħ minkejja l-isfidi li ġabet il-pandemija fuq il-kumpanija.
Fil-fatt, Azzopardi kompliet tispjega kif il-kumpanija ngħaqdet ukoll mal-Fondazzjoni Richmond biex l-impjegati jkunu jistgħu jagħmlu użu minn terapija bla ħlas, bil-kumpanija tagħmel tajjeb għas-sessjonijiet.
Hi qalet, “Riċentament ukoll għamilna wkoll it-terapija b’xejn mar-Richmond Foundation bie anke min sforz il-pandemija u sforza problemi oħra personali jew ikun għaddej minn xi diffikultajiet ikun jista’ jsib is-sapport u m’għandux għalfejn iħallas il-flus, tissaportjah il-kumpanija jiġifieri mental health saret waħda minn dawk is-suġġetti li qed nagħtu ħafna importanza.”
Azzopardi temmet tgħid li din l-inizjattiva daħlet fis-seħħ sabiex tkompli tinħoloq aktar kuxjenza fuq l-importanza tas-saħħa mentali.
Appellat biex aktar kumpaniji jsegwu dawn il-passi u jitfgħu s-saħħa mentali tal-impjegati tagħhom fuq quddiem tal-prijoritajiet tagħhom.