Il-fabbrika Consolidated Biscuit LTD se tkun qed tespandi l-operat tagħha f’fabbrika oħra fuq medda ta’ 3,000 metru kwadru.
Dan se jsir b’investiment totali li jlaħħaq it-tliet miljun ewro, filwaqt li mis-sena d-dieħla l-kumpanija, li ilha taħdem għall-40 sena, se tkun qed tissuplixxi wieħed mill-akbar katina ta’ supermarkets fil-Lvant Nofsani.
Permezz ta’ dan l-investiment, il-kumpanija se tkun qed tirdoppja l-produzzjoni li qed tagħmel fil-mument.
Dan tħabbar waqt konferenza stampa indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri waqt żjara li għamel fil-fabbrika fl-Imrieħel.
Il-General Manager ta’ Consolidated Biscuit LTD, is-Sur Robert Ellul qal kif il-kumpanija tagħmel diversi prodotti tal-ikel fosthom gallettini, galletti u snacks oħra li huma popolari fis-suq lokal kif fi swieq barra minn xtutna.
Ellul fisser: “Bl-investiment li qegħdin nagħmlu, qegħdin naraw li qed inkunu aktar kompetittivi għas-suq tal-esportazzjoni u qegħdin inkunu wkoll ninvestu fi prodotti ġodda bir-riċerka u l-innovazzjoni tagħna biex noffru prodotti li huma uniċi għall-kumpaniji internazzjonali, brands kbar u b’hekk inkunu nistgħu noffru dak il-valur miżjud fi prodott.”
Is-Sur Ellul qal kif permezz tal-għajnuna ta’ Trade Malta, il-kumpanija ħadet sehem f’diversi fieri tal-ikel barranin, fosthom fil-fiera kbira tal-ikel, il-Gulfood li ssir f’Dubai.
Tant, li permezz ta’ din il-fiera nibtet relazzjoni ekonomika bejn il-kumpanija Maltija u l-katina ta’ supermarkets fil-Lvant Nofsani.
Il-General Manager spjega li għall-ewwel se jibdew jesportaw f’pajjiż wieħed bil-possibilità li jespandu għal tmienja oħra fejn taħdem din il-katina ta’ supermarkets.
Il-Ministru Silvio Schembri semma kif bil-għajnuna minn Indis Malta, din il-fabbrika Maltija se tkun qed tespandi l-operat tagħha biex toffri aktar effiċjenza u kwalità fil-produzzjoni tagħha.
Huwa sostna: “Irridu naraw li l-industrija tagħna titla’ t-tarġa li jmiss, tkun organizzata aktar, u tkun aktar effiċjenti fil-produzzjoni tagħha. Din il-fabbrika partikolari stajna naraw li kienet fabbrika maqsuma f’żewġ biċċiet separati minn xulxin; kellek consolidated biscuits u sunshine snacks. Bil-mod kif kienu kien diffiċli ħafna għalihom li jkomplu jikbru u joperaw, għaliex kellek restrains minħabba fabbriki oħra fil-madwar.”
Il-Ministru għall-Ekonomija spjega kif permezz tad-diversifikazzjoni li għamlet din il-kumpanija, żdiedet ir-reżiljenża tal-kumpanija minkejja Brexit u anke l-pandemija.
Intqal kif matul is-sena li għaddiet, li tat l-akbar sfida ekonomika, il-kumpanija żammet lill-ħaddiema kollha magħha.
Dan anke permezz tal-inċentivi li ta l-Gvern matul il-pandemija.