Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, laqgħet il-mod innovattiv ta’ kif qed topera l-kumpanija Maltija MCL Components Limited f’Bulebel u li qed tistabbilixxi standards ġodda għall-industrija tal-manifattura tal-plastik f’Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-entità governattiva Circular Economy Malta, Jason Vella, li kien preżenti għal din iż-żjara, spjega kif il-kumpanija tiddisinja u tipproduċi prodotti li jistgħu jintużaw aktar minn darba u li faċilment jiġu rriċiklati fi tmiem il-ħajja tagħhom.
“Kumpanija toħloq prodotti waqt il-proċess tad-disinn tagħha, diġà bil-ħsieb li, meta ma jkunux jistgħu jintużaw, ikunu jistgħu jiġu riċiklati fi prodotti oħrajn. Aħna nagħtu l-appoġġ tagħna lil inizjattivi bħal dawn għax jgħinu biex jonqos l-iskart li jmur fil-miżbliet u jerġa’ jispiċċa fi proġett li jerġgħu jintużaw.”
Vella rrefera wkoll għall-inizjattiva riċenti ‘Bring Your Own Container’ imnedija mill-aġenzija, fejn il-konsumaturi huma mħeġġa jżuru u jixtru mingħand ħwienet irreġistrati magħha u jagħmlu użu minn kontenituri li jerġgħu jintużaw għal inċentiv finanzjarju implimentat mit-tali ħanut.
Waqt iż-żjara fil-kumpanija, il-Ministru Dalli enfasizzat l-importanza li jiġu appoġġjati u inċentivati inizjattivi ta’ sostenibbiltà minn intrapriżi lokali.
Hi enfasizzat ukoll il-ħtieġa ta’ azzjoni kollettiva f’din it-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku ċirkulari, fejn ir-riżorsi jintużaw b’mod effiċjenti u l-iskart jitnaqqas permezz ta’ prattiċi innovattivi.
“Il-viżjoni tagħna għal dan il-pajjiż hi li jkollna ekonomija li ma tniġġisx u jkollna ekonomija ċirkulari, fejn forsi dak il-prodott li llum qed jispiċċa mormi u allura skart, inħarsu lejh bħala riżorsa li tista’ tgħinna jkollna prodott ieħor minnu. Huma dawn it-tip ta’ kumpaniji li jagħmlu differenza fil-mod ta’ kif inħarsu lejn l-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna.”