Il-kumpanija tal-periti, AP Valletta ġiet magħżula għall-premju prestiġjuż Ewropew għar-riġenerazzjoni tal-Belt.
Id-ditta tal-periti hija fost erba’ finalisti f’kategorija relatata ma’ xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ innovazzjoni, mogħtija fi ħdan il-Wirt Ewropew.
Dawn il-premijiet għandhom l-għan li juru li l-wirt kulturali huwa riżors qawwi għat-tisħiħ tal-iskambju internazzjonali u għall-iżvilupp sostenibbli mmexxi mill-innovazzjoni.
AP Valletta ġiet innominata mill-Kunsill Lokali tal-Belt għal bosta proġetti tagħha madwar il-Belt, li servew bħala riżors tal-benefiċċji intanġibbli li disinn rigoruż u proċessi relatat mal-wirt jistgħu jiġġeneraw għal Belt u l-komunità tagħha.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ din id-ditta spjega li l-ġurija apprezzat ħafna l-perspettiva dinamika ta’ xogħlijiet li għamlet din il-kumpanija.
Is-Sur David Felice qalilna, “Minħabba x-xogħol li għamel l-uffiċċju tagħna fil-Belt, fl-aħħar jippremja proġetti fil-wirt storiku tal-post, iżda li jkollu xejra innovattiva. Eżempju wieħed huwa l-lift tal-Belt, li jinvolvi proġett li huwa ċertament storiku iżda fl-istess ħin innovattiv minħabba li jġedded il-mod tat-trasport li ilu ma jintuża.”
Felice spjega li fost il-proġetti tal-kumpanija hemm it-trasformazzjoni tal-kappella tas-seklu dsatax fl-uffiċini tal-Borża ta’ Malta, l-estensjoni tal-Mużew tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u r-restawr tal-Katidral Anglikan ta’ San Pawl.
“Hemm proġetti li huma lesti, li huma parti mill-kuntest urban tal-Belt, bħal Water Front, il-parteċipazzjoni tagħna fid-disinn tal-Bieb tal-Belt. Iżda bħalissa għaddejjin proġetti, partikolarment l-estensjoni tal-Mużew ta’ San Ġwann, mużew ġdid tal-letteratura għal pariri dwar kotba u proġetti oħra bħal dawn li jinvolvu mhux biss restawr iżda wkoll rinovazzjoni tal-Belt”.