Hekk kif kull ma jmur it-teknoloġija tkompli tavvanza f’setturi diversi, f’Malta, is-settur tal-avjazzjoni qed ikompli jimraħ f’niċċa ta’ drones li jġorru l-merkanzija.
Fil-fatt, il-kumpanija rreġistrata f’pajjiżna bl-isem ta’ Dronamics Europe Airlines qed twettaq proġett f’dan ir-rigward bl-għan aħħari li tkun mal-ewwel kumpaniji fl-Ewropa u fid-dinja li jkollha drones kapaċi jwasslu merkanzija f’postijiet remoti.
Għaldaqstant, tkellimna mal-maniġer ġenerali tal-kumpanija, Kenneth Chircop li spjega kif il-proġett li qed taħdem fuqu Dronamics huwa identiku għal dak ta’ kull linja tal-ajru tal-merkanzija, iżda li l-operat tagħha jsir biss permezz ta’ drones li ma jkollhomx bżonn ekwipaġġ biex iwasslu l-merkanzija minn post għall-ieħor.
Fil-preżent, wara li ġabet il-liċenzja neċessarja minn Transport Malta, il-kumpanija tinsab għaddejja bl-ittesttjar neċessarju tad-drone li l-kumpanija b’differenzi għall-linji tal-ajru tradizzjonali qed taħdem id-drone mill-bidu nett tiegħu. Dawn id-drones li huma simili fid-daqs għal ajruplan żgħir u jaħdmu bl-unleaded li jintuża mill-karozzi kif jispjega Chircop.
“Hawnhekk qed nitkellmu fuq drone daqs ta’ ajruplan żgħir, li s-soltu ttella’ żewġ persuni fuqu, li kapaċi jġorr tlett mija u ħamsin kilo merkanzija. Bażikament dak li tgħabbi ġo vann żgħir tista’ tqiegħdu fih u twasslu għal distanza ta’ elfejn, elfejn u ħames mitt kilometru, jiġifieri hi distanza kbira ħafna. Nieħdu eżempju l-Ewropa minn post ċentrali fl-Ewropa kapaċi twassal kullimkien.”
Chircop spjega magħna li għal dan il-għan intgħażel pajjiżna, li hu post strateġiku, bħala l-post minn fejn tibda topera din il-kumpanija li timpjega magħha numru ta’ professjonisti fl-avjazzjoni li huma Maltin u li għandhom karrieri diversi fis-settur kif normalment nafuh.
“Malta ġiet identifikata bħala l-post ideali, huwa post strateġiku, nafu l-istorja, ġeografikament qiegħed fejn qiegħed. Barra minn hekk għandna aviation community li hija b’saħħitha, għandna regolaturi li jappoġġja ħafna dawn it-tip ta’ ideat u allura ġie deċiż li propju niftħu l-kumpanija li minnha tkun qiegħda topera din l-linja tal-ajru minn hawn Malta.”
Apparti minn hekk pajjiżna għandu l-leġiżlazzjoni meħtieġa biex dan is-settur ikun regolat, hekk kif il-kumpanija Maltija hija sussidjarja ta’ kumpanija fil-Bulgarija fejn għall-kuntrarju ta’ Malta ma setgħetx issib l-isfond leġiżlattiv li għandu pajjiżna, li implimenta leġiżlazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fl-2019.
Fl-aħħarnett, Chircop spjegalna x’inhu l-pass li jmiss f’dan il-proġett.
“Issa s-sena d-dieħla nixtiequ nibdew l-operazzjoni kummerċjali. Din se nibdewha l-Greċja, però mill-Greċja imbagħad irridu nagħmlu konnessjoni ma’ Malta u ‘l bogħod iktar lejn xtutna fil-Mediterran. Jiġifieri aħna li qegħdin naraw huwa li l-kumpanija se tinbidel b’mod sostanzjali s-sena d-dieħla meta se nibdew operazzjonijiet kummerċjali.”
Fil-ġejjieni mistenni wkoll li din tibda timmanifattura dawn id-drones fi kwantitajiet akbar biex tkun tista’ tforni numru sostanzjali ta’ pajjiżi kemm fl-Ewropa iżda anki lil hinn, b’mod partikolari f’partijiet fid-dinja fejn wieħed isib numru konsiderevoli ta’ postijiet remoti.