Il-kumpanija Maltija Porthuges Laundry & Dry Cleaning kompliet tinvesti biex tkabbar l-operat tagħha.
F’pandemija u b’għajnuna mill-Malta Enterprise, il-kumpanija li tispeċjalizza fuq il-ħasil tal-ħwejjeġ, twapet, purtieri, ilbies tat-tiġijiet u ħafna aktar, wettqet investiment ta’ kważi żewġ miljun ewro.
Fi żjara li għamlu il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia fl-Imrieħel, ġie spjegat kif il-kumpanija fl-aħħar xhur saħħet il-preżenza tat-teknoloġija.
F’kumment ma’ ONE News iċ-Chairman Eżekuttiv Ian Portughes spjega x’kien l-investiment li sar.
“Kellna investiment fejn infaqna €1.2M ta’ fejn qed noperaw bħalissa, kabbarna s-size fejn aħna nistgħu naħdmu u kellna proġett ieħor ta’ kważi nofs miljun fejn aħna qed niftħu l-launderettes u 24/7 fejn nagħtu s-servizz lin-nies li jistgħu jġibu n-nodfa erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.”
Il-kumpanija Maltija qed taħdem ukoll biex tieħu l-proġett tat-24/7 fuq livell internazzjonali.
“L-intenzjoni hija li nużaw lil Malta bħala test-based fejn qed niżviluppaw dan il-makkinarju flimkien mas-software li qed isir apposta għalih biex imbagħad inkunu nistgħu nużawh u nbigħuh franchise barra minn xtutna.”
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif il-Gvern, anke f’pandemija ma waqafx jgħin lill-intrapriżi Maltin u Għawdxin biex ikomplu jikbru u jimirħu fis-settur tagħhom.
Hija nnutat ukoll kif ħafna kumpaniji, inkluż ta’ Portughes, qed jaqilbu l-operat tagħhom għal mod sostenibbli u li jkun ħabib tal-ambjent.
“Nemmen li l-business tal-familja f’pajjiż żgħir bħal tagħna huma s-sinsla tan-negozji u l-kumpaniji li għandna llum. Irridu nkomplu nagħtu l-għajnuna meħtieġa b’mod partikolari meta qegħdin naraw interess kbir anke minn dawn il-kumpaniji lokali u anke determinazzjoni biex jiddiversifikaw l-operat tagħhom biex jinvestu aktar u qegħdin iħarsu lejn swieq barranin. Li jkollna aktar kumpaniji jħarsu lejn l-esportazzjoni jgħin lill-pajjiż, jgħin lill-ħaddiema tagħna però jgħin ukoll lill-kumpaniji nfushom.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat ukoll kif il-kumpanija Maltija, fi żmien ta’ pandemija, sabet l-għajnuna finanzjarja tal-Gvern, partikolarment tal-miżura kruċjali tal-wagesupplement.
Il-kumpanija preżentament tħaddem mal-erbgħin ħaddiem u qed tħares biex fiż-żmien li ġej timpjega iżjed.