Il-kumpanija Danish Bakery ibbenefikat mill-iskema “Smart and Sustainable” tal-Malta Enterprise, li tħeġġeġ kumpaniji jkollhom operat aktar sostenibbli.
Din il-kumpanija qed tinvesti f’sistema tal-arja kkundizzjonata aktar effiċjenti u sostenibbli, billi tuża l-ilma biex tkessaħ.
Dan se jwassal biex Danish Bakery tiffranka ħamsa u tmenin fil-mija mill-konsum tal-elettriku u tnaqqas l-emissjonijiet b’disgħin fil-mija.
Iċ-Chairman tal-kumpanija, Alex Mallia, spjega li dan eventwalment iwassal għal tisħiħ fil-kompetittività tal-kumpanija.
Malli rrimarka, “Permezz ta’ dan l-investiment u bl-għajnuna tal-Malta Enterprise, ħa nkunu nistgħu nirregolaw it-temperatura fil-fabbrika fejn jiġi prodott il-ħobż u l-kwalità tal-prodott tkun ħafna aħjar.”
Din l-iskema hija intiża għal kumpaniji li qed jinvestu fi proġetti sostenibbli, b’investiment minimu ta’ għaxart elef ewro.
Dawk eliġibbli jirċievu għajnuna ta’ ħamsin fil-mija tal-investiment, sa massimu ta’ ħamsin elf ewro.
F’Għawdex, intrapriżi li ilhom imwaqqfa għal aktar minn tliet snin jew dawk li l-proġett iwassal għal tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet, jibbenefikaw minn assistenza addizzjonali f’forma ta’ tax credit sa massimu ta’ għoxrin elf ewro.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, spjega l-ħames tipi ta’ investment li tindirizza din l-iskema.
Is-Sur Farrugia tenna, “Din l-iskema partikolari hemm ħames punti li qed nolqtu biha, li huma tnaqqis f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-ilma, tnaqqis fl-użu tal-elettriku, użu ta’ materjali li jistgħu jkunu riċiklabbli u iktar ħodor, nużaw ukoll sistemi li jnaqqsu l-iskart u anki proċessi ta’ diġitalizzazzjoni sabiex jitnaqqas l-użu tal-enerġija u allura ntejbu l-ambjent.”
Waqt żjara għand Danish Bakery, il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, saħqet li l-ħidma favur l-ambjent u s-sostenibilità trid tiġi minn kull settur, f’viżjoni aktar ħolistika.
Il-Ministru Dalli stqarret, “Il-viżjoni tagħna x’inhi? Hi li rridu naraw li l-kumpaniji tagħna jkomplu jikbru, iwessgħu l-operat tagħhom, joperaw aktar nies, fl-istess ħin però jkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija tagħhom u jħallu impatt pożittiv ambjentalment u din l-iskema tal-Malta Enterprise tgħin lill-kumpaniji tagħna biex verament ikunu qed jilħqu din il-viżjoni u jimxu f’din id-direzzjoni.”