Kumpanija marittima li twaqqfet f’Malta sentejn ilu,ħabbret investiment innovattiv ta’ €4 miljun li jikkonsisti fl-aktar sistema moderna ta’ stħarriġ idrografiku.
Il-prodotti żviluppati jistgħu jintużaw għat-tħammil, għall-ħitan tal-mollijiet u ta’ strutturi vertikali, kostruzzjoni tal-baħar, kif ukoll għar-riċerka.
Dan it-tagħmir jevalwa d-dejta marttima fl-ibħra internazzjonali.
Il-Fundatur u Chairman Eżekuttiv tal-kumpanija R3 VOX, Jens Steenstrup, spjega li, sentejn ilu, meta ddeċieda li jwaqqaf kumpanija tal-manifattura fl-Unjoni Ewropea, Malta kienet il-pajjiż ideali.
Jens Steenstrup qal “It’s been coming for a year and a half to get to this point. From nothing, then having a fully-functioned high-tech company here, all with the help of Malta Enterprise. It has been critical for us to get to this point.”
Id-Direttur Maniġerjali ta’ R3Vox Ltd, Ruben Cuschieri, stqarr li matul dawn l-aħħar 18-il xahar il-kumpanija kienet impenjata ħafna fir-rinnovament totali tal-bini tagħha fl-Imrieħel f’impjant ta’ innovazzjoni u żvilupp tal-aħħar teknoloġija. Barra minn hekk, mexxiet ukoll biex jibnu tim ta’ 17-il impjegat kwalifikati ħafna li issa huma kompletament immirati biex jibdew il-manifattura u l-appoġġ globali.
L-ekonomija blu hija kontributur importanti għall-ekonomija lokali, u huwa għalhekk li l-Malta Enterprise qed tkompli ssostni diversi investimenti li jagħtu valur miżjud lil dan is-settur b’saħħtu, filwaqt li jkabbru l-potenzjal ta’ tkabbir tiegħu.
L-aħħar statistika turi li s-settur marittimu jammonta għal sa 14 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross ta’ Malta, inklużi aktar minn 22,000 impjieg f’impjieg dirett u indirett.
Il-Kap Ezekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, spjega li din il-kumpanija se tipprovdi vetrina globali għal prodotti magħmula f’Malta f’setturi niċċa tal-ekonomija blu.
Kurt Farrugia saħaq li “Dak li qed naraw mill-kumpanija R3 VOX hija waħda mill-iktar sistemi avvanzati fid-dinja li tagħmel surveys taħt il-baħar. U dak li irridu nagħmlu f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomija blu: li jkollna lejn Malta l-ekonomiji l-iktar innovattivi u li allura, min-naħa ekonomika, inkunu qed niddiversifikaw dak li qed noffru bħala pajjiż.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, spjegat li din il-kumpanija hija eżempju ewlieni ta’ innovazzjoni fl-ekonomija blu, li tħaddan l-innovazzjoni u viżjoni li tħares ’il quddiem, u toħloq karrieri ta’ kwalità.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kemm “Huwa ta’ unur li naraw kumpaniji bħall-R3 VOX, li qed tinvesti f’pajjiżna €4 miljun għax tħoss li Malta hija verament il-pajjiż li jinteressah aktar din it-tip ta’ ekonomija. Huma dawn it-tipi ta’ kumpaniji li qed naħdmu biex nattiraw lejn il-pajjiż għax irridu naraw li l-pilastru tal-blue ekonomy jkun wieħed b’saħħtu.”