Rapport tal-Ġnus Magħquda jgħid li kumpanija fl-Emirati Għarab Magħquda, li ġiet provduta b’żewġ dgħajjes mill-kumpanija tan-negozjant James Fenech, kienet qed tappoġġja lill-militanti tal-ġeneral Libjan Khalifa Haftar.
Haftar, figura b’saħħitha fil-Libja għandu forzi leali lejh jiġġieldu kontra l-forzi tal-Gvern Libjan rikonoxxut mill-Ġnus Magħquda.
Is-sit tal-aħbarijiet Amerikan, Bloomberg irrapporta li grupp ta’ merċenarji kienu affiljati ma’ żewġ kumpaniji fl-Emirati Għarab Magħquda, Lancaster u Opus Capital, din tal-aħħar hija l-kumpanija li James Fenech krilhom id-dgħajjes għal-Libja.
Dawn il-merċernarji, marru l-Libja f’Ġunju tas-sena l-oħra għal operazzjoni militari fejn fiha hu mifhum li provdew ħafna armamenti lil Haftar fosthom helicopters u drones.
Ir-rapport ta’ Bloomberg jgħid li dawn in-nies fil-Libja mmexxija minn Steve Lodge, mill-Afrika t’Isfel telqu mil-Libja ftit tal-jiem wara u waslu f’Malta fuq żewġ dgħajjes.
Ingħad li l-verżjoni tagħhom, li huma kienu qed jaħdmu f’oqsma tal-gass u ż-żejt u ġew f’Malta ma kinitx konvinċenti.
Intant il-kumpanija Sovereign Charterers ta’ James Fenech qalet li kellha l-liċenzja tal-Pulizija u tad-Dwana biex tikri żewġ dgħajjes lill-kumpanija fl-Emirati Għarab Magħquda li topera fil-Libja u tkun tista’ tevakwa l-ħaddiema tagħha.
Il-kumpanija ħarġet din l-istqarrija wara li sid il-kumpanija, in-Negozjant James Fenech ta’ wieħed u erbgħin sena mill-Mellieħa, u erba’ impjegati oħra tal-kumpanija, tressqu l-Qorti wara li allegatament kissru sanzjonijiet li hemm fuq il-Libja.
Fil-qorti ħareġ li allegatament huma bagħtu dawn id-dgħajjes mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet.
Filfatt skont il-liġi l-kumpanija ried ikollha permess minn bord apposta li jagħmel moniteraġġ fuq is-sanzjonijiet fuq il-Libja.
Fl-istqarrija l-kumpanija imkien ma semmiet li kellha l-awtorizzazzjoni ta’ dan il-bord.
Il-kumpanija kkonfermat li minħabba l-gwerra fil-Libja ġew evakwati 21 persuna b’passaporti Brittaniċi, Franċiżi u Amerikani fost oħrajn.
Malli waslu Malta telqu lejn pajjiżhom.
Il-każ se jkompli l-Qorti, u jekk jinstabu ħatja, il-ħames persuni akkużati jistgħu jeħlu sa massimu ta’ ħames miljun ewro kull wieħed jew inkella sa massimu ta’ 12-il sena ħabs.
Il-Prosekuzzjoni fuq dan il-każ qed titmexxa mis-Supretendent George Cremona u l-ispettur Omar Zammit.