Kumpanija lokali se tibda toffri servizz ta’ trasport bil-baħar mill-Imġarr Għawdex għall-Port il-Kbir minn Ġunju li ġej f’inqas minn tliet kwarti.
Fi stqarrija l-kumpanija qalet li investiet f’żewġ katamarani moderni li kapaċi joffru s-servizz kif mitlub minn Transport Malta.
Kull katamaran kapaċi jġorr tliet mitt passiġġier.
Il-kumpanija Gozo Fast Ferry Ltd. qalet li qed tikkollabora mal-Malta Public Transport biex nies bit-Tallinja card ikunu inċentivati meta jużaw il-katamaran minn Għawdex għall-Port il-Kbir.
Il-kumpanija li mistennija tibda twassal lin-nies fi żmien qasir bejn iż-żewġ gżejjer, qalet li se tkun tista’ anki tħallas b’mod elettroniku biex jonqsu l-kjuwijiet.
Dettalji dwar l-iskedi u n-nollijiet tas-servizzi se joħorġu iżjed ’il quddiem.
Meta fi Frar li għadda l-Gvern ħabbar li minn Ġunju li ġej, l-operaturi jistgħu joffru servizz ta’ fast ferry, intqal li bħala parti minn dan il-proġett, b’investiment ta’ ħames miljun ewro se jkunu qed isiru mollijiet fejn l-operaturi se jkunu jistgħu jsorġu l-opri tal-baħar.
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u u anki l-GUG, li tirrappreżenta l-istudenti universitarji Għawdxin, kienu laqgħu l-iżviluppi dwar il-fast ferry bejn l-Imġarr Għawdex u l-Belt.