Deskritta bħala l-akbar kumpanija fid-dinja fil-qasam tal-assi diġitali fosthom Crypto currency u l-blockchain, OKEx se tħaffef aktar il-proċess biex tespandi l-operat tagħha lejn Malta.
Kien propju tliet xhur ilu meta tħabbar li OKEx ħabbret li se tiftaħ f’pajjiżna wara anki laqgħat mas-Segretarju Parlamentari għas-servizzi finanzjarji, l-ekonomija diġitali u l-innovazzjoni Silvio Schembri.
F’April li għadda anki l-Prim Ministru fuq twitter laqa’ b’sodisfazzjon li kumpanija bħal OKEx għażlet li tkabbar l-operat tagħha fi gżiritina.
Fi kliem id-direttur li se jmexxi OKEx f’Malta, Jovan Gavrilovic spjega kif pajjiżna huwa għażla naturali hekk kif stabilixxa rwol importanti fil-qasam tal-crypto currency u l-blockchain.
Saħaq li Malta tassew hija meqjusa bħala l-gżira tal-blockchain li għandha qafas regolatorju li għandu jservi ta’ mudell għall-pajjiżi oħra.
Filfatt artiklu dwar il-crypto currency jsemmi l-aktar tlett pajjiżi li huma pijunieri f’dan il-qasam.
Filwaqt li jpoġġi lil Ġermanja u lill-Isvizzera fit-tielet u t-tieni post rispettivament, Malta tpoġġiet fl-ewwel post bħala l-pajjiż innovattiv li qed tkun minn ta’ quddiem biex toħloq qafas li jirregola dan il-qasam li kulma jmur qed jikber f’dan li għandu x’jaqsam mal-ekonomija diġitali.
L-artiklu jgħid li l-Gvern Malti għandu viżjoni interessanti għal blockchain li kapaċi tiddervisifika l-ekonomija u tkompli tkattar l-impjiegi.