Waħda mill-akbar kumpaniji tal-manifattura f’Malta qed tinvesti fl-innovazzjoni biex tħejji ruħha għad-domanda fis-suq għall-karozzi elettriċi u roti li jaħdmu bl-elettriku, magħrufin bħala e-bikes.
Waqt żjara li għamlet il-Ministru Miriam Dalli għand il-kumpanija Methode Electronics, li ilha taħdem u tespandi għal dawn l-aħħar ħamsa u ħamsin sena, ingħad li l-kumpanija setgħet tegħleb ċertu sfidi tul il-pandemija grazzi għall-għajnuna tal-Gvern u l-Malta Enterpise.
Din l-għajnuna ssarrfet f’espansjoni fil-kumpanija, li ddiversifikat l-operat tagħha biex tkun tista’ tilħaq mad-domanda tas-suq globali.
Uffiċjali tal-kumpanija spjegaw il-pjanijiet tal-kumpanija, u qalu li d-diskussjonijiet dwarhom mal-Gvern Malti u l-Ministeru responsabbli se jissuktaw.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li t-triq li qabdet il-kumpanija Methode hija eżempju ieħor tal-investiment li għandhom jagħmlu kumpaniji bbażati f’Malta; li jikbru u jinvestu f’teknoloġiji moderni u jagħtu opportunitajiet ta’ xogħol aħjar lill-ħaddiema tagħhom.
Qalet, “Huma dawn it-tip ta’ kumpaniji li rridu nkomplu nippromwovu, li rridu nkomplu ngħinu, kumpaniji li qegħdin iħarsu lejn l-innovazzjoni bħala l-punt ewlieni tagħhom, lejn id-diġitalizzazzjoni u anki s-sostenibbiltà.”
Din il-kumpanija tispeċjalizza fil-produzzjoni ta’ prodotti bħal switches, kontrolli elettromekkaniċi u elettroniċi, sensors u switch devices għall-industrija tal-karozzi mad-dinja kollha.
Fl-aħħar snin, Methode kienet qed tiddiversifika f’setturi u oqsma ġodda li mistennija jikbru fil-futur qrib.