“Illum il-ġurnata ngħid li mnalla għamilna dak l-investiment fi żmien ta’ pandemija”.
Dan kien is-sentiment ta’ wieħed mill-managers tal-kumpanija SAW LTD, li tul il-pandemija nvestiet disa’ miljun ewro fl-espansjoni tal-operat tagħha u anke f’teknoloġija tal-ogħla kwalità. Il-kumpanija taħdem l-għamara u tispeċjalizza fi proġetti kbar, u qed tagħmel isem ma’ klijenti kemm lokali u kemm internazzjonali.
SAW LTD bdiet bħala ħolma b’bażi f’garaxx fil-Għargħur, iżda llum hija xempju tal-għaqal u l-bżulija tal-ħaddiem Malti li qed tħares lejn futur b’saħħtu u sostenibbli.
Mark Cassar, wieħed mill-managers tal-kumpanija, qal ma’ ONE News li l-investiment li sar fl-aħħar sena kien ibbażat fost oħrajn fuq ‘il fejn qed timxi l-industrija.
Cassar stqarr, “Il-futur kollu tal-kumpanija hu marbut fuq l-investiment. Dan sar bi ħsieb kbir u pjanijiet ta’ ammont ta’ snin, fejn aħna nvestejna fħall-futur. L-industrija sejra lejn full automation u li tkun effiċjenti, u aħna nvestejna f’dik in-niċċa biex inkunu kompetittivi.”
Mistoqsi xi jfisser għall-kumpanija li fi żmien pandemija globali setgħet tinvesti ammont sostanzjali ta’ flus fl-apparat u fl-espansjoni, Cassar wieġeb hekk.
Hu qal, “Illum, inħares lura ngħid li m’nalla għamilna dan l-investiment f’dak iż-żmien. Kien hemm mumenti fejn wieħed jista’ jibda jaqta’ qalbu għaliex għaddejna minn żmien diffiċli bħalma għaddew il-kumpaniji kollha. Bl-għaqal, bżulija u pjanijiet tajbin bqajna għaddejjin, illum ninsabu hawnhekk biex ingawdu l-frott li se tibda tagħtina l-fabbrika wkoll.”
Il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli żaret l-espansjoni u rat x’differenza għamel dan l-investiment fl-operat tal-kumpanija. Hawn tenniet l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jsostni lin-negozji lokali, fosthom bi skemi ambizzjużi ta’ għajnuna.
Il-Ministru Dalli saħqet, “Se nkomplu nsostnuhom bl-iskemi li għandna, għandna skemi ambissjużi u qed jgħinu l-kumpaniji f’pajjiżna jħarsu ferm aktar lejn is-sostenibbiltà. Se nkomplu noħorġu dawn it-tip ta’ inċentivi u għajnuniet għaliex irridu nkunu spalla ma’ spalla man-negozji, ma min jaħdem għal rasu u anke negozji żgħar, għax hekk ngħinu l-ekonomija u noħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità.”