Il-Kumpanija Burmarrad Commercials se tinvesti f’faċilita ġdida u f’vetturi elettriċi.
It-Tnejn filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-faċilitajiet ta’ din il-kumpanija f’Burmarrad.
Il-kumpanija li tħaddem, ħamsa u sittin ħaddiem, se tirriloka l-operat tagħha, inkluż l-amministrazzjoni u l-workshops, f’bini akbar u modern f’żona industrijali fil-Marsa.
Id-Direttur ta’ Burmarrad Commercials Mario Gauci qal lill-Prim Ministru li l-kumpanija ser tuża l-faċilità l-ġdida biex topera b’iżjed effiċjenza filwaqt li tkun tista’ tiddiversifika x-xogħol. Huwa ħabbar ukoll li l-kumpanija se tinvesti fi flotta ġdida oħra ta’ vetturi elettriċi wara investiment simili li wettqet is-sena li għaddiet.
Qal li l-kumpanija sabet appoġġ kbir mill-Malta Enterprise u entitajiet oħra sabiex jiffaċilitaw dawn il-proġetti.
Spjega li l-operat dinamiku tal-kumpanija jista’ jwassal għal ħolqien ta’ aktar impjiegi ta’ kwalità f’dan is-settur ekonomiku, li joffri wkoll bosta opportunitajiet lil studenti li juru interess qawwi f’xogħol tas-sengħa bħall-mekkanika fost oħrajn.
Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ s-sens ta’ inizjattiva u innovazzjoni fit-tmexxija tal-kumpanija u tahom ħajr għall-fiduċja li qegħdin ikomplu juru fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Innota kif is-suċċess ta’ kumpanija bħal din u oħrajn f’pajjiżna huwa rifless mill-ambjent pożittiv li jinħoloq bejn il-ħaddiema u t-tmexxija tal-kumpanija. Qal li dan kollu jsarraf f’iżjed produttività u effiċjenza fuq il-post tax-xogħol.
Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ wkoll l-investiment li l-kumpanija ser tkompli tagħmel u qal li dan jimxi id f’id mal-politika tal-Gvern, favur aktar karozzi li jaħdmu b’enerġija nadifa.