Il-ħames skemi li huma meqjusa bħala l-akbar pakkett ta’ għotjiet finanzjari tat-trasport sabiex jinċentivaw il-qalba għal vetturi li jħammġu inqas, ġew milqugħa b’mod tajjeb ħafna minn bejjiegħ tal-karozzi u anke minn sid ta’ kumpanija ta’ karozzi li jwasslu lin-nies.
Fost dawn l-iskemi hemm dik li wieħed igawdi minn għotja ta’ disat elef ewro meta jirreġistra vettura elettrika ġdida u jiskreppja l-karozza li jkollu, li tkun ilha iktar minn għaxar snin li ġiet immanifatturata.
Dan l-istazzjon tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija lokali li twassal lin-nies.
Matthew Bezzina, li l-kumpanija tiegħu hija fost l-ewlenin fil-qasam tat-trasport f’pajjiżna qal li sa erba’ snin oħra, il-kumpanija se jkollha l-flotta kollha tagħha maqluba għall-vetturi elettriċi.
Qal kif din l-iskema se twassal biex ikun hemm żieda f’dawk li jitħajru li jeqilbu għal karozzi li jniġġsu inqas.
Saħaq li hekk ukoll mistennija jitħajru l-kumpaniji involuti fit-trasport. Huwa qal, “Din hija inizjattiva pożittiva ħafna fejn, kemm għall-operaturi tal-flotot, kif ukoll għax-xufiera self-employed, dawn ħa jgħinu biex jaċċelleraw il-pass biex jeqilbu l-vetturi tagħhom għal dawk elettriċi. Miżuri bħal dawn ukoll se jgħin biex il-pubbliku ġenerali jitħajjar ukoll jagħmel dan il-pass, wara li jkun raw il-vot ta’ fiduċja li tkun tat l-industrija.”
ONE News tkellem ukoll ma’ bejjiegħ tal-karozzi.
Matthew Fenech qal kif dawn l-iskemi ntlaqgħu tajjeb ħafna f’dawn il-ġimagħtejn mindu tħabbret din l-iskema.
Qal li aktar nies qed jagħżlu li jixtru vettura elettrika: “Bħala skema nista’ ngħid li ntlaqgħet ħafna tajjeb minn min irid jixtri xi karozza. Il-konkorrenza rajnieha li żdiedet ħafna, fejn iktar in-nies qed imorru għal karozzi li jħammġu inqas, bħal eletric u hybrid.”
Bħala bejjiegħ tal-vetturi nnota wkoll li waqt pandemija kien hemm żieda ta’ bejgħ ta’ muturi elettriċi.