Il-kumpanija tal-farmaċewtika MGC Pharmaceuticals, li taħdem ukoll fil-qasam tal-kannabis mediċinali, bbenefikat minn skema ta’ aktar minn tlieta punt miljun offruta mill-Malta Enterprise, biex b’hekk, Malta issa mistennija sservi bħala l-bażi Ewropew tal-manifattura għal din il-kumpanija.
L-iskema se tgħin il-kumpanija ġġedded ruħha u testendi il-faċilità ta’ riċerka klinika li tinkludi faċilità li timmanifattura trattament kontra l-fjamazzjoni li toħloq il-Covid-19.
Id-direttur maniġerjali u ko-fundatur tal-kumpanija Roby Zomer stqarr li issa, MGC Pharmaceuticals ingħatat l-opportunità tistabbilixxi hub Ewropea f’pajjiżna għall-prodott kontra l-infjammazzjoni. Il-faċilità f’Malta se tkun tista’ wkoll tkabbar il-produzzjoni biex tlaħħaq mad-domanda li jkollha l-kumpanija.
Zomer saħaq li l-kumpanija tinsab kommessa li tgħin tibni industrija responsabbli u vijabbli sabiex tkun t’appoġġ f’dan is-suq relattivament ġdid f’pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia spjega li l-kumpanija ilha f’kuntatt mal-entità Maltija għal dan l-aħħar sentejn, u bbenifikat minn skema għal proġetti li jindirizzaw il-pandemija.
Stqarr ukoll li l-produzzjoni ta’ mediċina kontra l-infjammazzjoni f’Malta sertkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala hub ideali għall-manifattura avvanzata u żvilupp xjentifiku, filwaqt li Malta Enterprise tibqa’ titqies bħala sieħeb strateġiku għal kull min hu interessat li jinvesti f’pajjiżna.
Il-faċilità f’Malta mistennija tkun lesta s-sena d-dieħla sabiex tkun tista’ tiffaċilita d-distribuzzjoni globali tal-prodotti tal-kumpanija.