Ġimgħa wara li l-Parlament approva tliet liġijiet fil-qasam tal-blockchain u l-cryptocurrency, il-kumpanija Palladium nediet f’Malta l-ewwel ICCO regolata fid-dinja li hija opportunità ta’ investiment uniku fid-dinja tal-blockchain.
Il-kumpanija qed timmira li tiġbor mija u ħamsin miljun ewro li nofshom se jmorru għall-akkwist u l-kontroll f’bank Ewropew.
Waqt it-tnedija li saret fil-Borża ta’ Malta, is-Sur Paolo Catafalmo, fundatur u ċ-ċermen ta’ Palladium qal li l-proġett se joħloq aktar minn 100 impjieg ġdid u se jkun punt storiku biex inaqqas id-distakk bejn is-servizzi finanzjarji tradizzjonali u l-cryptocurriences.
Huwa faħħar lill-Gvern Malti talli kien minn ta’ quddiem biex jirregola t-teknoloġija blockchain anke permezz ta’ taqsima apposta fl-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji l-MFSA.
“I am very much in love with Malta and I believe that Malta is the best place in Europe if not in the world to start a new company especially in technology and blockchain.”
Huwa żied jgħid li l-inizjattiva hija waħda mill-aktar opportunitajiet ta’ investimenti uniċi fid-dinja tal-blockchain.
One News tkellem ma’ Andre Zerafa li spjega kif dan il-proġett diġa għamel użu mil-liġi li daħlet fis-seħħ il-ġimgħa l-oħra. Spjega kif dan il-proġett qed joffri d-dritt li tixtri ishma f’sistema ġdida regolarizzata.
“Pero li hemm ġdid fih il-prodott huwa li over and above, il-business model tiegħu jiprevedi illi bil-flus li ħa jieħu minn din l-offerta li ħa jagħmel ħa jibni dak li jgħidulu crypto exchange. Taħt il-leġislazzjoni il-ġdida illi għaddiet mill-Parlament il-ġimgħa li għaddiet u li ħa tidħol fis-seħħ fl-1 t’Ottubru, Cyrpto exchanges ha jiġu regolarizzati fihom infushom.”
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjajri Silvio Schembri u l-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri.
Il-Prim Ministru spjega kif il-viżjoni ta’ pajjiżna flimkien ma’ diversi partijiet wittiet it-triq sabiex Malta ssir magħrufa bħala l-‘blockchain island’.
Dan hekk kif Malta tipprovdi futur f’dan is-settur u iktar kumpaniji qed jagħzlu li jibbażaw l-operat tagħhom f’pajjiżna.
Dan kollu fid-dawl li Malta approvat liġi li tirregola l-qafas tas-sistema regolatorja li ser tassigura serħan il-moħħ lill-klijenti kif ukoll investituri permezz ta’ sistema trasparenti. Qal li b’hekk Malta hija l-ewwel pajjiż li għandha liġi komprensiva f’dan il-qasam.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal kif bħala pajjiż anticipajna l-bidla u kif kien grazzi għall-gvern li pajjiżna qed joffri ċertezza legali f’dan il-qasam. Ħabbar ukoll kif minn Ottubru li ġej ħa jitniedu korsijiet fl-Universita dwar dan is-settur tal-Blockchain.