L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika irribatta kritika żbaljata li għamlu l-għaqda Repubblika u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knisja meta allegaw li, għas-sena d-dieħla, il-Gvern naqqas il-fondi ta’ dan l-Uffiċċju.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għamilha ċara li s-somma ta’ €450,000 li ġiet allokata lilu fil-Baġit 2023 hija l-ammont sħiħ li talab il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
“L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards mhux qed jantiċipa tnaqqis fl-attivitajiet tiegħu u qed jantiċipa li se jonfoq aktar minn dan l-ammont fl-2023,” qalet l-istqarrija. “Għal dan il-għan, l-uffiċċju bi ħsiebu juża fondi li huwa ma nefaqx fis-snin ta’ qabel.”
L-Uffiċċju spjega li, tul is-snin, akkumula bilanċ ta’ fondi mhux użati, fosthom għax fl-2022 attwalment ingħata aktar flus fil-Baġit nazzjonali milli kien talab. Dawn il-fondi akkumulati se jintużaw skont il-bżonn biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tal-Uffiċċju fl-2023.
Fi stqarrijiet separati li ħarġu l-bieraħ, ta’ Repubblika kkundannaw dik li sejħulha “d-deċiżjoni tal-Gvern li jnaqqas il-fondi lill-Kummissarju għall-Istandards”, filwaqt li l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knisja esprimiet tħassib dwar din l-istess allegazzjoni, li issa jirriżulta li hija infondata wara li ħarġu l-fatti u l-figuri mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika nnifsu.