F’konferenza tal-aħbarijiet, twaqqfet uffiċjalment Kummissjoni ġdida li sal-aħħar tas-sena, mistennija tagħti numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Gvern biex issir reviżjoni fil-paga minima.
Preżentament, il-paga minima tiżdied kull sena permezz tal-mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja, iżda dan ma jirriflettix aspetti oħra li jkunu qed iseħħu fil-pajjiż jew fis-suq tax-xogħol.
Għaldaqstant, wara li fl-elfejn u sbatax kien ġie ffirmat ftehim storiku li ra żieda fil-paga minima li tmur lil hinn mill-COLA, issa twaqqfet din il-Kummissjoni biex tagħti r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Gvern.
Din il-Kummissjoni se tkun ippreseduta miċ-Chairperson tal-MCESD David Xuereb, mid-Deputat Chairperson is-Segretarju Permanenti Mark Musù, diversi rappreżentanti tal-unjins u għaqdiet ta’ min iħaddem, rappreżentanti tal-Gvern u esperti oħra li jistgħu jagħtu kontribut.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul spjega kif biex ikun assigurat li x-xogħol isir bl-aktar mod professjonali, il-Kummissjoni se tkun irregolata b’liġi li tagħmilha possibbli biex jiġu ingaġġati esperti li jistgħu jgħinu fl-analiżi u fil-kalkoli biex il-Kummissjoni tasal għar-rakkomandazzjonijiet tagħha.
Huwa żied jgħid li l-ebda ħaddiem f’pajjiżna m’għandu jkun f’sitwazzjoni li ma jkollux dħul biżżejjed biex jgħix ħajja diċenti, u għaldaqstant, din il-Kummissjoni se tassigura pagi ġusti li jirriflettu r-realtajiet tal-ħajja.
Din il-Kummissjoni għandha tibqa’ tagħti r-rakkomandazzjonijiet kull erba’ snin biex tibqa’ ssir reviżjoni relatata mal-paga minima.