Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta b’mod ġenerali laqgħet b’mod pożittiv il-miżuri tal-Budget għas-sena d-dieħla.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni nnotat b’sodisfazzjon li hemm ħafna inizjattivi soċjali fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu biex dawk l-aktar milquta jieħdu kumpens ogħla għall-għoli tal-ħajja.
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Arċidjoċesi semmiet ukoll li l-Budget li ressaq il-Gvern fih għadd ta’ inizjattivi pożittivi favur l-ambjent.
Hawnhekk għamlet referenza għall-inċentivi favur xiri ta’ vetturi li jniġġsu anqas iżda semmiet li jeħtieġ li l-Gvern jagħti data sakemm jistgħu jibqgħu jinxtraw vetturi li jniġġsu iżjed u li jaħdmu bil-petrol u d-diesel.
Il-Kummissjoni laqgħet ukoll il-miżura tat-trasport pubbliku b’xejn iżda aċċennat li din il-miżura tkun effikaċi kif jiġi żgurat servizz konsistenti u li ta’ min jorbot fuqu.
Hija laqgħet ukoll l-emfasi li saret biex tkun imħarsa l-moralità fiskali, jiġifieri li kulħadd iħallas it-taxxa dovuta.
Il-Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Paċi semmiet ukoll l-aħbar li ntqalet fil-Budget, fejn hu mistenni li jitwaqqaf ċentru ta’ rijabilitazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordina iżda rrimarkat li din l-inizjattiva teħtieġ riformi oħra favur il-priġunieri u qrabathom kif ukoll tal-qraba tal-vittmi.
Il-Kummissjoni tkellmet ukoll fuq l-immigrazzjoni u qalet li dawn li qed ifittxu l-ażil m’għandhomx ikunu kkunsidrati bħala piż.
Il-Kummissjoni temmet tgħid li tistenna l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri tal-Budget.