Il-Kummissarju Ewropew, Violeta Bulc faħħret ħafna l-Istrateġija Nazzjonali għat-Trasport 2050 u l-Pjan Komprensiv għat-Trasport 2025. Il-Kummissarju Bulc ferħet lill-ministru Joe Mizzi, “għax-xogħol daqstant komprensiv li jaħseb fit-tul, għandu viżjoni ċara u madanakollu jista’ jitwettaq”.
Il-kummissjoni analizzat bir-reqqa d-dokumenti kollha sottomessi u approvat is-sottomissjoni ta’ Malta. Malta laħqet il-kundizzjonijiet kollha ex-ante fis-settur tat-trasport u għaldaqstant tista’ taċċessa l-fondi tal-Unjoni Ewropea għat-trasport ivvutati sal-2020. Is-sinjura Bulc irrakkomandat li ministri oħra jsegwu dak li għamlet Malta u jilħqu bilanċ tajjeb bejn il-viżjoni, pjanar fit-tul, pjanar fil-viċin u t-twettiq.
Il-ministru Mizzi preżenta d-dokumenti waqt laqgħa bilaterali fil-preżenza ta’ James Piscopo, Ċermen u CEO ta’ Transport Malta u uffiċċjali oħra.
Il-Ministru Mizzi qal li, “l-Master Plan u l-Istrateġija jfasslu l-pjan fit-tul għal pajjiżna u pjan t’investiment t’għaxar snin għall-iżvilupp tat-trasport f’Malta. Fondi Nazzjonali, Ewropej u mis-settur privat se jintefqu aħjar b’dan il-pjan li se jagħmel is-sistema tat-trasport tagħna iktar effiċjenti, aħjar għall-ambjent u iżjed sigura. Ħadna iktar minn sentejn biex inħejju dawn id-dokumenti, kellna ħafna konsultazzjonijiet u smajna l-oppinjoni ta’ kulħadd biex eventwalment lestejna dokumenti ħolistiċi b’bilanċ tajjeb bejn mobilita’ kurrenti u tal-futur effettiva, l-ambjent u s-sigurta’. Kuntenti u sodisfatti li l-Master Plan issa huwa wkoll approvat mill-Kummissjoni Ewropea.
Is-sur Piscopo qal li,”Ninsab sodisfatt immens li l-impenn ta’ Transport Malta u bosta oħrajn biex saru dawn id-dokumenti ħa l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Kburi li x-xogħol tagħna jista’ jkun ta’ eżempju għall-bqija tal-Ewropa. Fuq kollox, onorat li Malta fl-aħħar għandha pjan konkret għat-trasport fl-art, fl-ajru u fil-baħar, pjan li, jekk jiġi segwit, se jtejjeb mhux ftit it-trasport f’Malta.”
Din hija l-ewwel darba li Malta għandha pjan nazzjonali komprensiv, pjan b’miżuri fattibli, pjan li se jagħti direzzjoni lil min ifassal il-politika biex jabbanduna l-metodoloġija ‘short-term’ li mdorrijin biha għal deċiżjonijiet f’kuntest ta’ qafas wiesgħa b’riżultati studjati.