Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela indirizza attività bl-isem ‘Doing Business with Colombia’, ospitata mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Ministeru.
Il-Ministru Abela esprima apprezzament għall-proattività min-naħa tal-Ambaxxatur tal-Kolombja għal Malta Juan Rafael Mesa Zuleta u ProColombia, aġenzija governattiva Kolombjana responsabbli mill-promozzjoni tal-esportazzjoni mhux tradizzjonali Kolombjana, it-turiżmu internazzjonali u l-investiment barrani lejn il-Kolombja, u li kienet strumentali fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività.
Dan l-avveniment bena fuq l-iskambji diplomatiċi li seħħew fl-aħħar xhur bejn iż-żewġ pajjiżi li matulhom il-koperazzjoni f’diversi setturi, fosthom il-kummerċ, is-saħħa u l-edukazzjoni, kienu diskussi.
Il-Ministru sostna li bejn Malta u l-Kolombja hemm potenzjal li tissaħħaħ l-interazzjoni f’numru ta’ setturi kummerċjali fosthom il-manifattura, is-servizzi informatiċi, private equity funds, Business Process Outsourcing u Knowledge Process Outsourcing. Tista’ tiġi esplorata wkoll il-koperazzjoni fit-tagħlim tal-Ingliż, kif ukoll l-esperjenza ta’ Malta fl-industrija tal-ospitalità.