Fl-ewwel diskors tiegħu, bħala Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Isports, David Agius għamel allegazzjonijiet serjissimi li ġew deskritti minn bosta bħala daqqa ta’ ħarta f’wiċċ l-isportivi lokali.
L-eks Viċi Kap Nazzjonalista u llum kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Eweopew allega li r-rebbieħ tal-kampjonat tal-futbol Malti tal-Premier għal din is-sena diġà magħruf, waqt li implika kif il-logħbiet ikunu mixtrijin.
Għalkemm ma semmiex għal-liema tim qed jirreferi u lanqas indika kif wasal għal tali konklużjoni, id-Deputat Nazzjonalista qal biss li dan il-klabb ġej minn lokalità mhux ’il bogħod mid-distretti elettorali fejn jikkontesta l-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima.
Agius għamel dawn l-allegazzjonijiet serjissmi waqt li kien qegħdin jiġu diskussi t-Tieni Qari ta’ emendi għall-Att dwar il-Governanza u l-Integrità fl-Isport, biex ikun possibbli l-formazzjoni ta’ pjattaformi u entitajiet fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport.
Attwalment, wara l-ewwel rawnd, il-leaders tal-Premier League huma l-eks champions Ħamrun Spartans, bi 32 punt, warajhom it-tim ta’ Floriana b’29 punt u Sliema Wanderers bi 28 punt.
B’reazzjoni għal dan, il-Malta Football Association ħarġet stqarrija biex tesprimi d-diżappunt tagħha għal dak li ġie allegat minn Agius u spjegat li tali aġir hu mibni biss fuq konġetturi u spekulazzjoni u jagħti daqqa ta’ ħarta f’wiċċ l-isportivi u l-voluntieri li jiddedikaw tant ħin, sforz u riżorsi għal-logħba tal-ballun.
Waqt li affermat il-pożizzjoni tagħha ta’ tolleranza żero kontra l-korruzzjoni fl-isports, l-MFA innotat li spekulazzjonijiet bħal dawn ma jagħmlux ġustizzja mal-isforzi li jsiru.
L-istqarrija kompliet tgħid li filwaqt li l-MFA tilqa’ kull diskussjoni kostruttiva dwar kwistjonijiet ta’ integrità fl-isport Malti, anke fir-rigward ta’ proposti ġodda biex jissaħħu l-għodod kontra l-korruzzjoni, l-Assoċjazzjoni talbet biex kulħadd joqgħod attent ma jiġġenerawx spekulazzjonijiet bla bażi, li jħammġu l-immaġini tal-futbol lokali.
Minbarra hekk, fakkret fil-fatt li hemm dmir li tiġi rrapportata kull informazzjoni jew evidenza dwar match-fixing jew kull forma oħra ta’ korruzzjoni fl-isport Malti