L-aġir irresponsabbli u arroganti ta’ Karol Aquilina fil-Parlament waqt seduti fejn lanqas il-Prim Ministru Robert Abela ma tħalla jagħmel stqarrija ministerjali dwar il-każ tas-serqa tad-droga mill-barracks tas-suldati, kompla jiġi kkundannat, din id-darba mill-Ispeaker Anġlu Farrugia nnifsu.
Dan partikolarment għall-kliem “bla sens” mid-Deputat tal-establishment Nazzjonalista.
Fuq il-programm ‘Vi Jew Va’ fuq ix-xandir nazzjonali, l-Ispeaker qal kif is-sedja kellha tiġi sospiża ħames darbiet, xi ħaġa tal-mistħija.
“Il-Kamra ġiet sospiża ħames darbiet. Tal-mistħija. Immaġina, tiġi sospiża u ma jkollokx kontroll assolut kulħadd free for all.”
Anġlu Farrugia, Speaker
Hawn Dr Farrugia qal li din il-ħaġa qatt ma seħħet qabel.
Preżentatur: “Din hi l-ewwel darba li kellek tissospendi s-sedja ħames darbiet?”
Speaker: “Żgur. Qatt ma kienet. Qatt ma kienet.”
Dwar l-attakki li kellu fuqu personali mill-istess Aquilina f’dawn is-seduti, fejn ukoll qallu li “bla moħħ”, l-Ispeaker temm jiddeskrivi tali kummenti bla sens u ma jagħmlux ġieħ lil min jgħidhom.
“Huwa kumment bla sens u kumment ukoll li min jgħidu ma jagħmilx ġieħ għalih innifsu.”
Anġlu Farrugia, Speaker
Sadanittant, waqt programm differenti, tkellem dwar dan ukoll id-Deputat Nazzjonalista u Deputat Speaker, David Agius, li qal li xogħlu hu li jara li kulħadd josserva r-regoli. Hu min hu.
Hu qal dan meta kien qed jiddibatti mal-Whip tal-Gvern, Naomi Cachia, fuq il-programm ‘Id-Dibattitu’ fuq ONE, bi preżentazzjoni ta’ Manuel Micallef.
Preżentatur: “Inti bħala Deputat u, aktar minn hekk, bħala Deputat Speaker. Taqbel ma’ aġir bħal dan?
David Agius: “Fir-rwol tiegħi, bħala Deputy Speaker, jiena xogħli hu li nara li nimxi mar-regoli u rridu naraw ukoll li ħadd fil-Parlament mhu ikbar minn dawk ir-regoli. Hu min hu, hi min hi.”
Hawn Agius qabel mal-preżentatur meta qallu li dak ma kienx kliem denju, fejn żied jgħid li fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż hu ma jaċċettax lil min ma jġibx ruħu sew.
Preżentatur: “Dak li ngħad mhuwiex kliem”.
David Agius: “Minn kulħadd. Ma naċċetta ħadd fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż li ma jġibx ruħu sew.”
Dan anke jekk, Agius ukoll ġie kkritikat għall-għajjat min-naħa tiegħu fis-seduti tal-ġimgħa li għaddiet, li kienu kkaratterizzati mid-diżubbidjenza tal-Oppożizzjoni.