“Kummenti insensittivi u bla ebda bażi.” Dan qalu l-Ministru responsabbli mill-Isport Clifton Grima b’reazzjoni għal dak li allega d-Deputat David Agius, f’seduta Parlamentari nhar it-Tlieta, fl-ewwel diskors tiegħu bħala l-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Isports.
Ma’ ONE News, il-Ministru Grima kkundanna l-ispekulazzjonijiet li għamel Agius dwar kif ir-rebbieħ tal-kampjonat tal-futbol Malti tal-Premier għal din is-sena diġà magħruf, waqt li implika kif il-logħbiet ikunu mixtrijin.
Grima tenna li dawn il-kummenti, li Agius ma ta l-ebda provi konkreti tagħhom, ma jagħmlu xejn ħlief ħsara u qal li jekk xi ħadd, ikun min ikun, ikun jaf b’xi aġir mhux xieraq, għandu jerfa’ d-dmir tiegħu u jirrapporta.
“Ma jistax ikun li fl-ogħla istituzzjoni tal-Parlament ta’ pajjiżna, ngħaddu dawk it-tip ta’ kummenti. Kummenti li huma insensittivi u li fl-opinjoni tiegħi m’għandhom l-ebda bażi. Jekk wieħed jara xi ħaġa ħażina għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jmur jirrapporta. Xi ħaġa li jien ma niddejjaqx ngħid li għamiltha fil-passat u kieku nkun naf xi ħaġa mmur nagħmilha anke llum il-ġurnata. Però l-iktar ħaġa importanti hi li nkunu onesti magħna nfusna u mhux nipprovaw inkunu popolisti. Li wieħed ikun popolist f’dan il-każ għamel ħafna ħsara.”
Clifton Grima – Ministru
Sadanittant, Grima spjega li dan il-Gvern ilu jimxi id f’id mal-entitajiet sportivi f’pajjiżna għal diversi snin u ma jrid xejn li jxekkel dan, speċjalment f’ċirkostanzi bħal dawn fejn persuni jinqdew bil-popoliżmu għal raġunijiet partiġġjani.
“Fl-isport bħala pajjiż qegħdin naħdmu. Qegħdin nagħtu l-id ta’ ħbiberija bħala Gvern lil diversi stakeholders, inkluż anke l-Oppożizzjoni, għalfejn le. Biex nassiguraw li l-awtoritajiet konċernati f’pajjiżna jkollhom l-għodda kollha biex mhux biss intejbu l-infrastruttura sportiva, imma jassiguraw l-istess sport ikun wieħed nadif, ’il bogħod minn kull influwenza estranea li għamel referenza għaliha l-Onorevoli kollega.”
Clifton Grima – Ministru