Il-qasma u l-firda fil-Partit Nazzjonalista kompliet tidher biċ-ċar, it-Tnejn filgħaxija.
Dan hekk kif il-fazzjoni ta’ Adrian Delia marret fuq Fosos bil-flokkijiet suwed, bil-kliem “Team Adrian Delia”, sabiex juru show of force lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li kważi sena ilu qaċtet lil Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista u floku poġġew lil Bernard Grech.
Il-qasma fil-Partit Nazzjonalista dehret biċ-ċar f’kitba fuq Facebook li tefa’ Adrian Delia.
Partitarju qallu li b’dak li għamel it-Tnejn tilef ir-rispett ta’ kulħadd u qallu li mar biex iħarbat u jisfida.
Oħra qalet li din hija l-oppożizzjoni tal-oppożizzjoni u li qabel jispiċċaw il-klikkek, il-partit mhux ser jirbaħ l-elezzjonijiet.
Oħra qablet lill-partitarji ta’ Delia, mat-tfal.
Il-fatt li marru bil-flokkijiet suwed, kien hemm dawk mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li qabluhom mal-Faxxisti.
Ieħor kompla ma’ ta’ qablu li qal li l-istorja tgħallmu li għandu jkun xettiku minn dawk li jilbsu l-iswed, b’referenza ċara għall-Faxxisti ta’ Benito Mussolini.
Oħra li tidher li ma tantx għandha grazzja ma’ tal-fazzjoni ta’ Delia qaltlu li t-tim tiegħu magħmul bl-injoranti.
Hawnhekk wieġeb Delia, fejn b’botta qalha li tkellmet b’mod elokwenti.
Ieħor qalhom biex jaċċettaw ir-rieda tal-maġġoranza, għaliex it-tesserati għażlu li jneħħuh. Qallu li huwa l-agħar kap li qatt kien hemm fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista.
Hawnhekk wieħed minn ta’ Delia wieġbu li jekk irid parir fuq id-demokrazija jmur jitkellem mas-17 Blue Heroes, li fuq quddiem tagħhom hemm Jason Azzopardi.
Partitarja Nazzjonalista qalet li b’dak li ġara lejliet l-Indipendenza, Ġorġ Borg Olivier spiċċa jitqalleb fil-qabar.
Qal kif il-Partit Nazzjonalista spiċċa tkisser u tfarrak.
Ieħor weġibha billi qalha li Delia spiċċa bħal ma ġralu Borg Olivier, jiġifieri li ttajjar mill-poter.