- Deputati jiddubitaw is-somma miġbura
Numru sostanzjali ta’ lokalitajiet Għawdxin ma ħadux sehem attiv fil-ġbir ta’ fondi li organizza l-Partit Nazzjonalista l-Ħadd li għadda.
Jirriżulta li l-kumitati f’dawn il-lokalitajiet, fejn tul is-sajf li għadda kien hemm appoġġ kbir għal Chris Said, għadhom mhux qed iħossuhom komdi jagħtu l-mija fil-mija tagħhom għat-tmexxija ta’ Adrian Delia u n-nies ta’ madwaru u dan urewh ukoll dakinhar tal-ġbir.
Fil-fatt, fid-Dar Ċentrali ħafna bdew jistaqsu fejn huma s-somom sostanzjali li s-soltu jniżżlu l-Għawdxin. Iżda sa nofsillejl, meta spiċċat il-maratona, kien għad m’hemmx tweġiba għal din il-mistoqsija pertinenti anke jekk Delia kien qed jifraħ b’dik li qal li hija somma rekord.
In-nuqqas tas-sehem tal-Għawdxin hi ħaġa li kompliet iżżid id-dwejjaq intern għax il-Partit Nazzjonalista jaf li fl-aħħar snin swieh qares l-appoġġ li tilef minn Għawdex. Iktar minn hekk, din is-sena l-Partit Laburista ġabar somma sostanzjali u kbira permezz tal-kumitati Għawdxin f’maratona ġbir ta’ fondi li kienet għaddejja fl-istess ħin u li spiċċat siegħa qabel il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista.Fil-fatt, kien f’dik is-siegħa ta’ wara li l-Partit Laburista ħabbar is-somma, li l-Partit Nazzjonalista sploda s-somma tiegħu b’għotjiet sostanzjali minn numru limitat ta’ deputati Nazzjonalisti li llum huma parti mit-tmexxija tal-partit ta’ Adrian Delia. Jirriżulta li fl-aħħar jiem kienu diversi d-deputati Nazzjonalisti li ddubitaw u staqsew dwar is-somma ta’ €620,000 li qal li ġabar il-Partit Nazzjonalista. Uħud li fl-aħħar snin kienu midħla sew tal-magna tal-partit provaw jitkixxfu kemm is-somma kienet reali ma’ nies li ilhom jaħdmu d-Dar Ċentrali. Iżda, nies minn ġewwa jew ma kellhomx informazzjoni jew ma tantx kienu komdi jaqsmuha mad-deputati li staqsew. Qalu biss li kien Clyde Puli li din id-darba żamm ir-rendikont taħt il-kontroll tiegħu u sa ftit tas-sigħat qabel morna għall-pubblikazzjoni għandhom kien għadu ma wasalx.
Li hu żgur li biex is-somma telgħet b’dan l-ammont kienu kruċjali l-envelops ta’ Clyde Puli bi €52,000 u Robert Arrigo b’€141,000 li għamlu d-differenza. Pierre Portelli qal li ġabar €18,000. Biex somma li kienet €200,000 minn taħt il-Partit Laburista f’mument minnhom spiċċat iktar.
Waqt li ta d-donazzjoni Arrigo qal li kien hemm min kienet se tuġgħu żaqqu b’din id-donazzjoni. Mhux magħruf għal min kien qed jirreferi, iżda l-imkejjen tagħna qalu li x’aktarx li dak kien messaġġ li kellu jasal internament għand dawk li ma jappoġġjawhx tant li kienu lesti jivvutaw lil Toni Bezzina minflok lilu fl-elezzjoni għall-Viċi Kap li saret ftit ilu.