Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, magħruf bħala l-LIBE, innota l-progress b’saħħtu li għamlet Malta f’dawn l-aħħar sentejn sabiex tkompli ssaħħaħ is-saltna tad-Dritt.
F’pajjiżna bħalissa hawn sitt Membri tal-Parlament Ewropew minn gruppi politiċi u pajjiżi differenti sabiex jaraw il-progress u r-riformi li saru f’Malta favur il-governanza tajba.
It-Tlieta wara nofshinar dawn l-Ewroparlamentari ltaqgħu mal-Prim Ministru, Robert Abela, u membri oħra tal-Kabinett tal-Gvern fil-Berġa ta’ Kastilja.
Fil-preżenza tal-midja, Il-Prim Ministru afferma mill-ġdid kif, minn mindu nħatar Prim Ministru f’Jannar tal-2020, dejjem poġġa s-saltna tad-Dritt bħala prijorità għall-ħidma tal-Gvern. Huwa elenka numru ta’ riformi kruċjali u storiċi li saru f’dawn is-sentejn u nofs f’dan ir-rigward.
Semma, fost l-oħrajn, ir-riformi fil-metodi ta’ kif jinħatru l-ġudikanti, il-Prim Imħallef u l-Kummissarju tal-Pulizija, fejn għall-ewwel darba tneħħa l-poter kollu minn idejn l-Eżekuttiv.
Sar tibdil ukoll fil-proċess tal-ħatra tal-President ta’ Malta, u dan issa jintgħażel b’vot ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Dr Abela għamel referenza wkoll għall-fatt li nfirdu l-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali u tal-Avukat tal-Istat.
Il-Prim Ministru qal lir-rappreżentanti tal-kumitat tal-Parlament Ewropew li, minkejja li anki pajjiżna ntlaqat mill-isfidi tal-pandemija u tal-gwerra fl-Ukrajna, il-gvern Malti xorta waħda żamm il-ħidma favur is-saltna tad-Dritt bħala prijorità u ma poġġihiex fil-ġenb.
Għamel aċċenn ukoll għal kif pajjiżna esperjenza bidla fl-attitudni u l-kultura ta’ kif inħarsu lejn is-saltna tad-Dritt, bis-saltna tad-dritt titqies bħala katalista biex tattira investiment ta’ kwalità lejn il-pajjiż. Huwa saħaq li l-pajjiż għamel ħafna f’dan il-qasam, u se jkompli jaħdem sabiex ikompli jindirizza affarijiet oħra u b’hekk is-saltna tad-Dritt tkompli tissaħħaħ.
Waqt il-laqgħa, tkellmet ukoll il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, Sophie In ‘t Veld, li qalet li l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili nnota l-progress pożittiv li għamlet l-Aġenzija Maltija kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU, fl-aħħar snin.
Meta kien qed jitkellem dwar sfidi oħra, Dr Abela semma kif pajjiżna indirizza l-Pjan ta’ Azzjoni mit-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja (l-FATF) u li issa qed iħares ’il quddiem għall-Plenarja li jmiss tal-FATF, li mistennija ssir f’Ġunju.
Dwar l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru għamel referenza għal kif il-Gvern qed jaħdem dwar miżuri proposti sabiex ikun hemm tisħiħ fil-qasam tal-ġurnaliżmu, fosthom dik tal-Anti-Slapp.
Ir-rappreżentanti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew li jinsabu fi żjara f’pajjiżna se jiltaqgħu wkoll mal-President ta’ Malta, mal-Prim Imħallef, mal-Avukat Ġenerali, mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, u ma’ membri Parlamentari. Se jindirizzaw ukoll konferenza tal-aħbarijiet.