Il-Gvern se jkun qiegħed jaħtar kumitat ta’ esperti sabiex jiġu studjati u solvuti każijiet ta’ dik magħrufa bħala parental alienation.
Din tfisser li xi ħadd mill-ġenituri jispiċċa mċaħħad minn uliedu waqt separazzjoni bejn il-koppji.
Din il-problema qiegħda ssir iktar komuni u għalhekk dan il-Gvern se jkun qiegħed jindirizza direttament din il-problema.
Hekk sostna l-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, li spjega r-riperkussjonijiet ta’ din ir-realtà.
“Parental Alienation hija sitwazzjoni fejn għandek wieħed mill-ġenituri li jara kif ibiegħed il-ġenitur l-ieħor minn mat-tifel jew tifla. Hija xi ħaġa negattiva u mhix fl-interess tat-tfal li jkollhom aċċess biss għal ġenitur wieħed imma li jkollhom aċċess għat-tnejn tgħin ukoll biex dawn jiżviluppaw psikoloġikament u anke jagħmluhom iktar kompleti.”
Huwa qal ukoll li din l-inizjattiva turi biċ-ċar li din hija amministrazzjoni koperattiva, fil-waqt li emfasizza li l-interessi tat-tfal għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ divorzju u separazzjoni. Dan intqal fid-dwal li minħabba l-Covid-19, abbużi ta’ dan it-tip sfortunatament żdiedu.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis sostna li din hija problema li nafu ftit dwarha, u għalhekk dan il-kumitat ta’ esperti se jkollu wkoll ir-responsabbiltà li jirrakkomanda soluzzjonijiet leġiżlattivi.
Barra minn hekk, il-kumitat se jindirizza wkoll aspetti bħall-effiċjenza fil-Qrati Maltin, li jaffettwaw direttament il-każijiet marbuta mal-aċċess tal-ulied.
Il-Ministru Zammit Lewis qal, “L-enfasi tiegħi se tkun li l-Qrati jkunu iktar effiċjenti u dan huwa marbut mal-Parental Alienation għax mhux aċċettabbli li jkun hemm digrieti fuq aċċess jew kustodja li jdumu xhur biex jingħataw għaliex id-dewmien jagħti vantaġġ lil dik il-partner li jrid jieħu vantaġġ mit-tfal.”
Il-Kummissarju għat-Tfal, Pauline Miceli hija parti minn dan il-kumitat, fejn se tagħmel dak kollu li tista’ sabiex it-tfal ma jintużawx bħala għodda biex il-ġenituri jieħdu vantaġġ f’kawżi ta’ separazzjoni u divorzju.
Hija spjegat f’aktar dettal ir-responsabbiltajiet li se jkollu dan il-kumitat: “Irridu vera nidħlu fil-fond. Barra minn hekk, jekk jinstab li jkun qed isir aljenazzjoni, irridu naħdmu maż-żewġ ġenituri b’mod speċjali l-ġenitur li jkun qiegħed jaljena u mat-tfal biex naraw kif nistgħu nirrisolvu din il-problema.”