Malta ntgħażlet sabiex tospita l-45 Seminar tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej li se jlaqqa’ flimkien lill-Presidenti u s-Segretarju Ġenerali kollha tal-50 Kumitat Olimpiku Nazzjonali fl-Ewropa.
It-tħabbira saret mill-President tal-EOC Spyros Capralos fi tmiem l-44 Seminar tal-EOC li sar fl-aħħar jumejn f’Budva, il-Montenegro. Huwa stqarr li dan isegwi l-organizzazzjoni eċċellenti tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-2023, li saru f’Malta.
Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello esprima s-soddisfazzjon li dan avveniment tant prestiġjuż fil-kalendarju tal-isport Ewropew se jkun qed jirritorna Malta wara 25 sena. Stqarr li dan huwa vot ieħor ta’ fiduċja fil-potenzjal tal-Kumitat Olimpiku Malti.
Is-Seminar se jsir lejn l-aħħar ta’ Settembru 2025 u se jkun l-ewwel laqgħa amministrattiva kontinentali wara l-elezzjoni ta’ President ġdid tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali f’Marzu 2025.