Se jibda jitlaqqa’ kumitat apposta bil-għan li jitwettaq pjan ħolistiku ta’ immaniġġjar tal-qalba ta’ San Ġiljan u Paceville. Dan fl-isfond li, fl-aħħar snin, din iż-żona esperjenzat iżjed tkabbir konsiderevoli fl-attività u li, minkejja li żdied b’mod sinifikanti l-valur miżjud li din toffri, l-konċentrazzjoni tal-attività f’din iż-żona jaf ikun ukoll sors ta’ inkonvenjent.
Kien għalhekk li twaqqaf dan il-kumitat biex iservi ta’ pjattaforma komuni għal diversi entitajiet pubbliċi u privati biex ipoġġu madwar l-istess mejda u jfasslu pjan ħolistiku b’aspetti diversi ħalli min iżur iż-żona, għal raġuni jew oħra, jagħmel dan bl-inqas inkonvenjent possibbli.
Aktar dwar kif se jkun qed jaħdem il-kumitat spjegalna ċ-Chairperson, Philip Fenech.
“Inti meta għandek dawn l-istakeholders kollha flimkien, jiġifieri mis-settur pubbliku u mis-settur privat ukoll, inti madwar il-mejda tkun tista’ tara l-problemi f’ħin reali. Din importanti ħafna, tinsiex li ż-żona għaddejja minn trasformazzjoni kbira. Nafu li kemm ilha li kibret l-ekonomija, partikolarment f’dawn l-aħħar snin, l-investimenti fiż-żona huma kbar allura inti għandek sfidi wkoll.”
Fenech stqarr kif l-importanza tal-attività fiż-żona ma tħallihiex possibbli li wieħed jagħmel tibdiliet drastiċi mingħajr ma jieħu kont ta’ kif trid tiġi mmanniġġjata ż-żona.
Bil-għan li dan il-kumitat jirreġistra l-akbar suċċess possibbli, Fenech innota kif saret applikazzjoni biex il-progress f’dawn l-aspetti ta’ sigurtà, indafa u mmaniġġjar tat-traffiku, fost l-oħrajn, ikunu akkreditati mill-kontro-parti ta’ dan il-kumitat fir-Renju Unit.
“Aħna applikajna għall-Purple Flag status, li hi bħall-Blue Flag tal-bajjiet, imma għaċ-ċentri tal-ibliet. L-idea tagħha hi li inti għandek ċerti kundizzjonijiet li trid iżżomm magħhom, allura huma jżommuk in-check ukoll.”
F’dan il-kumitat se jkun hemm rappreżentanza tal-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Lukandi u r-Ristoranti, il-Kunsill ta’ San Ġiljan, il-Korp tal-Pulizija, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, Transport Malta, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering u anke mill-Ministeru għat-Turiżmu.
Fil-fatt, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, stqarr kif dan hu pass ieħor biex pajjiżna jkompli jeleva l-prodott li mhux biss igawdi minnu t-turiżmu, imma anke l-Maltin u l-Għawdxin.
“It-Town Centre Management Committee se jkun qed jgħin biex nagħtu organizzazzjoni lil Paceville, naraw li Paceville ikun mantnut u anke nżidu l-livell ta’ ndafa. Dan kollu se jwassal biex ngħollu l-istandard ta’ Paceville biex b’hekk kemm it-turisti li jiffrekwentawh, iżda anke l-Maltin u l-Għawdxin, li jogħġobhom jiffrekwentaw din iż-żona, jkollhom post aħjar fejn ikun hawn id-divertiment u b’hekk inkunu qed ngħollu wkoll il-prodott turistiku tagħna ħalli b’hekk jilħaq ukoll standards ogħla u dejjem ngħollu l-kwalità.”