Mara b’kumplikazzjoni ta’ tqala m’għandiex titħalla tasal f’xifer il-mewt qabel professjonist jagħtiha l-kura meħtieġa.
Jekk hemm riskju immedjat għal ħajja, professjonist għandu jiddeċiedi u jintervjeni minnufih.
Filwaqt li f’każ fejn hemm każ ta’ saħħa gravi li jista’ jwassal għal mewt, il-kura trid tibda tingħata minnufih biex il-mara ma tasalx li tkun fil-periklu. Huwa dan l-iskop tal-emendi għall-Kodiċi Kriminali li ressaq il-gvern.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li sostna kif huwa ta’ sodisfazzjon li llum kulħadd qed jaqbel mal-bidla f’din il-liġi.
Chris Fearne qal “Aħna meta bdejna dan id-dibattitu, kien hemm ħafna nies li qalulna tagħmlu xejn. Sħabna tal-Oppożizzjoni qalulna tagħmlu xejn, ħallu l-liġi kif inhi, mgħandkom għalfejn tbiddlu xejn. U aħna għidna li ma jistax ikun li tabib għax isalva ħajja jmur erba’ snin ħabs. Għidna ma jistax ikun li mara għax issalva ħajjitha, wara li tkun tilfet it-tarbija tmur tliet snin ħabs.”
Fid-dawl li d-dibattitu parlamentari għandu valur ukoll għall-interpretazzjoni fil-qrati, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard iddikjara li l-intervent irid isir mingħajr dewmien.
Il-Ministru Attard saħaq li għandna “Iżommu fis-sħiħ il-prinċipji li tlaqna bihom bħala membri tal-gvern. Il-prinċipji li nissalvagwardjaw is-saħħa tal-omm, dak il-prinċipju bl-iktar mod ċar saħħaħnih. Illum iċ-ċirkostanza hi li kwalunkwe intervent li jsir huwa llegali. Illum dik iċ-ċirkostanza, b’dawn l-emendi, qed tiġi indirizzata.”
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tenniet l-bżonn tal-kelma saħħa.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet “Illum il-ġurnata għandna prassi fejn il-mara bilfors titħalla twassal sa xifer il-mewt, qabel it-tobba ma jistgħu jintervjenu u meta jintervjenu jaf ikun hemm konsegwenzi kriminali.”
Fil-kumitat intervjenew persuni b’perspettivi differenti. Fost oħrajn kien hemm min tkellem favur l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna u oħrajn taw eżempji li jemmnu li għandhom ikunu koperti. Id-Deputat Prim Ministru reaġixxa wkoll għal dawn l-interventi billi jispjega l-emenda.
“M’aħniex ngħidu fl-ebda punt li mara trid tkun f’xifer il-mewt biex tabib jaġixxi,” spjega id-Deputat Prim Ministru.
“Kundizzjoni li kulħadd jaf li din tista’ eventwalment twassal għal mewt mela t-tabib jista’ jaġixxi. Jekk tkun immedjatament, jekk qed tara mara tiżvina quddiemek it-tabib waħdu jieħu d-deċiżjoni,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Intant, din l-emenda dwar Abbozz 28, li jitratta l-protezzjoni ta’ saħħet u ħajjet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala, għaddiet mill-Kumitat għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi fil-Parlament.
Dan wara li l-Gvern f’dan il-kumitat Parlamentari, li sar it-Tnejn waranofsinhar, ressaq l-emenda ġiet ippreżentata nhar il-Ġimgħa li għadda.
Il-pass li jmiss għal din l-emenda huwa li tmur quddiem it-Tielet Qari fil-Parlament, wara li din il-liġi kienet għaddiet mill-Ewwel u t-Tieni Qari.
Preżenti għal dan il-Kumitat f’isem il-Gvern kien hemm Michael Farrugia, li huwa l-President ta’ dan il-kumitat, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Rebecca Buttigieg.