Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca indirizzat konferenza ta’ livell għoli fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda intitolata ‘Funding the Future: Challenges and Respondes to the Reintegration of Child Soldiers,’ organizzata mir-Rappreżentanta Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda għat-tfal u l-kunflitti, Virginia Gamba.
“Madwar 30 miljun tifel u tifla huma spostati minħabba l-kunflitti – dawn it-tfal għandhom bżonn il-protezzjoni fl-immedjat u soluzzjoni sostenibbli fit-tul”
Il-President Coleiro Preca, meta kkwotat din l-istatistika tal-UNICEF, qalet li mhuwiex aċċettabbli li hemm 30 miljun tifel u tifla iżolati minn kull tip ta’ appoġġ neċessarju, u qalet li dan il-fatt waħdu huwa biżżejjed sabiex il-komunità internazzjonali taġixxi b’mod immedjat u effettiv.
Il-President qalet li t-tfal spostati (displaced) huma vulnerabbli u għandhom bżonn protezzjoni addattata, kemm f’pajjiżhom, kif ukoll fil-pajjiżi ta’ tranżitu, u fil-pajjżi tad-destinazzjoni. Hija qalet li fil-pajjiżi tat-tranżitu, b’mod speċjali fil-kampijiet, it-tfal għandu jkollhom aċċess għal numru ta’ servizzi, bħal edukazzjoni, kura tas-saħħa, u għajnuna psiko-soċjali, sabiex jerġgħu jġibu lura t-tfulija tagħhom.
“Huwa importanti li t-tfal ikollhom aċċess għall-edukazzjoni, għaliex jekk ma’ jkollhomx dan l-aċċess għal perjodu twil ta’ żmien, ser ikollhom diffikultà kbira sabiex jerġgħu jintegraw fil-komunità oriġinali tagħhom, jew fil-ġdida”, stqarret il-President Coleiro Preca filwaqt li tenniet li l-pajjiżi flimkien mal-komunità internazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu u li jerġgħu jintegraw lil dawn it-tfal, permezz tas-servizzi neċessarji li jridu joffru.
“Jiena nemmen li l-protezzjoni u r-reintegrazzjoni tat-tfal għandhom ikunu parti minn pjan ħolistiku – pjan li jkollu l-għan li jimplimenta paċi fit-tul, u li jaħdem favur ir-riġenerazzjoni soċjo-ekonomika ta’ kull soċjetà li esperjenzat, li kienet affettwata, jew li għadha affettwata minn kunflitti vjolenti”, qalet il-President.
“Tifel jew tifla minn kull erbgħa qiegħed jew qiegħda tgħix f’pajjiżi li preżentement huma affettwati minn kunflitt jew diżastri” – UNICEF
Il-President qalet li hemm bżonn urġenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet, għaliex dawn it-tfal jirrappreżentaw il-preżent u l-futur tal-pajjiżi u r-reġjuni li huma kellhom jaħarbu minnhom, u wissiet li jekk ma jkunx hemm rispons addattat mill-komunità internazzjonali f’dan ir-rigward, l-għan tal-prevenzjoni tal-vjolazzjonijiet kontra t-tfal qatt ma jintlaħaq.
“Jeħtieġ li nsaħħu l-isforzi tagħna biex nassiguraw li jkun hemm sistemi ta’ protezzjoni li jkunu effettivi u adegwati u servizzi ta’ reintegrazzjoni għat-tfal li huma spostati”, tenniet il-President.
Fl-aħħarnett, il-President Coleiro Preca appellat lill-entitajiet tal-Ġnus Magħquda, lill-Istati Membri, il-kollaboraturi fis-settur privat, u l-attivisti tas-soċjetà ċivili sabiex jaċċettaw u jaħdmu fuq din l-isfida biex jagħtu prijorità lill-protezzjoni u r-reintegrazzjoni tat-tfal li esperjenzaw u għadhom qed jesperjenzaw l-kunflitti u biex jippromovu d-dinjità, u l-wellbeing ta’ kull tifel u tifla.
Ritratti: OPR