B’imħabba lejn pajjiżu u niesu, u viżjoni ta’ Malta aħjar għall-ġenerazzjonijiet li jmiss, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif irid iħalli lil Malta għal uliedna f’indirizz li għamel fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija dwar il-Budget.
Huwa semma l-potenzjal li għandhom il-gżejjer Maltin u kif jemmen li jistgħu jkunu aħjar, isbaħ u aktar ġusti.
Fit-tieni Budget f’pandemija, il-Prim Ministru qal li l-Budget għas-sena d-dieħla mhuwiex b’saħħtu għax huwa l-aħħar Budget qabel l-elezzjoni, imma għax Gvern Laburista ħadem bla waqfien biex jipproteġi lin-nies u l-għajxien tagħhom waqt pandemija.
Qal, “Nemmen li d-domanda li rridu nagħmlu flimkien hija, is-sena d-dieħla kif se nerġgħu nkunu aħjar? Għax aħna naħdmu biex kull sena pajjiżna, il-poplu tagħna jkun aħjar mis-sena ta’ qabilha.”
F’diskors realistiku li fih mess ma’ diversi temi, il-Prim Ministru tkellem dwar l-ekonomija b’saħħitha li għandu pajjiżna fi sfond ta’ numru rekord ta’ nies jaħdmu.
Spjega, “Flimkien ħloqna magna ta’ progress li toħloq eluf ta’ impjiegi kull xahar. Li terfa’ l-eluf mill-faqar u mid-dipendenza soċjali. Li tagħti opportunità tajba biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Li tgħin lil kulħadd biex jista’ jsir sid ta’ daru. Li tgħin lil kulħadd ikollu karriera. Li tikseb prosperità ġdida.”
Lill-Kap tal-Oppożizzjoni, li jum ilu ppropona li jingħataw tax credits lill-kumpaniji li jħarrġu lill-ħaddiema tagħhom, il-Prim Ministru qallu li dan il-Gvern jagħti miljuni f’għotjiet u tax credits.
Fil-fatt, fakkru kif is-sena l-oħra ngħataw miljun u sitt mitt elf ewro f’tax credits, u miljun u ħames mitt elf ewro oħra din is-sena s’Awwissu.
Sostna, “Jekk in-negozji qatt kellhom bżonn konferma li bl-Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni jmexxi l-pajjiż, flok jagħmlu pass ’il quddiem, jagħmlu pass lura, ilbieraħ ingħatatilhom.”
Dwar il-gżira Għawdxija, Dr Abela fakkar kif it-tkabbir f’Għawdex qed ikun saħansitra aqwa minn ta’ Malta, biex qed jingħalaq il-pont li kien hemm fl-imgħoddi bejn Għawdex u Malta.
Qal, “Stajna ħadna l-parir li tana l-Kap tal-Oppożizzjoni u għażilna li nkunu Gvern sħiħ mal-Għawdxin. Minflok għażilna li ninvestu aktar bis-saħħa fl-Għawdxin. U x’kien ir-riżultat? Qatt daqs illum ma kien hemm Għawdxin jaħdmu fis-settur privat f’Għawdex stess. Żdiedu l-impjiegi minflok naqsu. U żdiedu aktar minn Malta.”
F’diskors b’ton ta’ għaqda nazzjonali u ambizzjoni li jħalli pajjiż aħjar minn kif sabu, il-Prim Ministru ħeġġeġ lin-nies biex ma jaqtgħux qalbhom mill-politika, għaliex hija waħda mill-għodod biex ittejjeb ħajjet in-nies.
Saħaq, “F’dan il-budget erġajna urejna fejn tħabbat qalbna. Erġajna dħalna għal dawk l-aktar vulnerabbli. Erġajna ma daħħalna l-ebda piż fuq in-nies. Erġajna urejna li aħna l-moviment tal-idejat, tal-ġejjieni fejn inkomplu ntejbu lil pajjiżna. Ġejjieni fejn Malta tkun xempju ta’ dinamiżmu, tas-sostenibbiltà u l-ġustizzja. Magħqudin flimkien bħala Tim Malta. Għawdxin u Maltin. Se nibnu prosperità ġdida, din Malta li rridu għal uliedna.”