F’sena, medja ta’ bejn erbgħin u ħamsin persuna f’Malta jiġu bżonn sieq prostetika minn taħt, jew minn fuq l-irkoppa, minħabba diversi raġunijiet, li l-maġġoranza tagħhom ikunu mard bħad-dijabete jew problemi ta’ ċirkolazzjoni, jew xi inċidenti serji tat-traffiku.
Dawn jingħataw servizz ħolistiku b’xejn mit-taqsima tal-Orthotics & Prosthetics fl-Isptar San Luqa, l-OPU.
Dan l-istazzjon żar din it-taqsima, fejn segwa l-proċess ta’ kif issir pass pass, sieq prostetika.
Il-Kap tad-Dipartiment, Jesmond Attard spjegalna li wara l-operazzjoni fl-Isptar Mater Dei, il-konsulenti u kirurgi jirreferu lill-pazjenti għall-OPU ta’ San Luqa fejn hemmhekk jibda l-proċess, anki bis-sehem tal-fiżjoterapisti, biex tittieħed l-aħjar deċiżjoni dwar is-sieq li jkollu bżonn il-pazjent.
“L-ewwel ma nagħmlu nieħdu l-forma ta’ saqajhom, ġeneralment bil-ġibs, dik il-forma nimlewha b’ġibs verġni, meta dik issir, nistgħu nneħħu ta’ barra u naħdmu fuq il-mudell proprju, li ngħidulu l-mudell pożittiv, tas-sieq tal-pazjent.”
Jesmond Attard – Kap tad-Dipartiment OPU
Meta dan il-proċess ikun lest, jiddaħħal il-plastik li jkun se jintuża fil-forn, biex meta jisħon, jiġi ffurmat fuq il-forma tas-sieq.
Hemmhekk issir l-ewwel sieq u l-pazjent jibda jimxi fuqha bl-għajnuna tal-fiżjoterapisti.
“Once li ffittjajniha, nibdew is-socket, il-biċċa ta’ fuq, li tkun trid tinbidel xi ftit drabi sakemm il-pazjent jilħaq dak li ngħidulu l-volum it-tajjeb, li saqajh ma tibqax tinxtorob għax in-nefħa tkun telqet għal kollox. Once li dak isir, nagħmlulhom il-prosthesis permanenti.”
Jesmond Attard – Kap tad-Dipartiment OPU
Il-Kap tal-OPU qalilna kif pazjent qatt ma jkun discharged, għaliex jibqa’ jiġi segwit minn żmien għal żmien.
“Dawn id-devices li nagħtuhom ikollhom bżonn il-manutenzjoni, ikollhom bżonn jinbidlu xi kultant jew partijiet minnhom, allura aħna nibqgħu narawhom u niffolowjawhom kemm hemm bżonn. Fil-bidu ovvjament ta’ spiss imbagħad inħallu f’idejhom biex meta jkollhom xi problema, iċemplu, u malajr nerġgħu narawhom.”
Jesmond Attard – Kap tad-Dipartiment OPU
Id-Dipartiment tal-Orthotics & Prosthetics fl-Isptar San Luqa ma jiħux ħsieb biss is-saqajn prostetiċi.
Fil-fatt, f’din it-taqsima ssir mad-disat elef vista fis-sena, fejn fit-taqsima tal-Ortotika, isiru żraben speċjali, suletti, u busti għal min ikollu skoljożi.
Dan id-Dipartiment ra bidliet kbar fl-aħħar snin, fosthom b’rinnovar qawwi fis-swali tal-istennija u l-kliniċi fejn isiru t-trattamenti.
Iżda l-investiment imur lil hinn mill-infrastruttura tal-binja, kif spjegalna l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar San Luqa, Dr Stephen Zammit.
“Saret bidla kbira però l-iktar ħaġa importanti li fid-Dipartiment tal-Prostetika fejn fis-snin passati kien jiġi hawnhekk professjonista minn barra darba kull sitt ġimgħat u jara lin-nies kollha u jekk jinqala’ xi ħaġa fis-sitt ġimgħat ta’ wara jkollok toqgħod tistenna sakemm jerġa’ jiġi, illum hawn servizz ta’ kuljum, professjonist mit-Tnejn sal-Ġimgħa, inkluż anki s-Sibt fid-Dipartiment tal-Ortotika, allura l-pazjent malli jinqala’ xi ħaġa, fi żmien ġurnata tnejn inkunu nistgħu narawh.”
Dr.Stephen Zammit – Kap Eżekuttiv tal-Isptar San Luqa
Mill-kwestjonarji li jsiru mal-pazjenti, jidher li huma kuntenti sew bis-servizzi mogħtija f’dan id-Dipartiment, u l-pjan għall-ġejjieni huwa li dawn l-istess servizzi jkomplu jissaħħu.
“Is-servizz li nagħtu jrid jibqa’ tal-ogħla kwalità, jekk jista’ jkun intejbuh ukoll. Dan billi nkunu nafu x’inhu jiġri fid-dinja tal-lum tal-prostetika u dejjem naraw l-iżviluppi fl-equipment, ħalli jekk jista’ jkun inġibuhom lejn Malta.”
Dr.Stephen Zammit – Kap Eżekuttiv tal-Isptar San Luqa